'Keith kesaħ meta Yorgen qallu bil-qtil ' - Melvin Theuma

Melvin Theuma jgħid li Yorgen Fenech kien qed jirċievi informazzjoni mingħand l-eks Assistent kummissarju Silvio Valletta

Keith Schembri mowbajl
Keith Schembri mowbajl

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, akkużat li kien il-moħħ wara l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Fenech li huwa wkoll is-sid tal-kumpanija 17 Black u li kien shareholder tal-power station tal-Electrogas, allegatament kien qabbad lil Melvin Theuma biex jorganizza l-assassinju.

Theuma, li kien ingħata l-maħfra Presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf, reġa' deher il-Qorti dalgħodu biex ikompli jixhed dwar ir-recordings tat-telefonati u l-konverżazzjonijiet li kellu ma' Yorgen Fenech. Ta' min ifakkar li Theuma kien beda jirrekordja kollox meta, fi kliemu stess, beda jibża' li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu se jeħilsu minnu. 

Dawn huma l-punti ewlenin mix-xhieda tal-lum:

  • Theuma jgħid li l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kien qed jgħaddi l-informazzjoni lil Keith Schembri
  • Fenech kien qal lil Schembri bil-qtil u dan kien kesaħ
  • Joseph Muscat jissemma wkoll fir-recordings bejn Theuma u Fenech
  • Skont Theuma, Keith mar jitkixxef dwar il-ħelsien mill-arrest minħabba Joseph Muscat

​Aqra fid-dettall:

Theuma jkompli jixhed dwar il-laqgħa ma' Kenneth

Jibda jinstema' l-ewwel recording, b'Fenech u Theuma jinstemgħu jitkellmu u jagħmlu referenza, x'aktarx' għall-ħelsien mill-arrest tat-tliet akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Wara li ntemm ir-recording, Theuma beda jiġi mistoqsi mill-Ispettur Keith Arnaud.

Qal li darba minnhom, meta kien id-dar Yorgen Fenech kien qallu li għandu l-inkwiet, għax Vince Muscat kien qed jitkellem u qed isemmi lil Theuma. 

L-għada bgħatlu messaġġ u qallu: 'Morru fittxu lil tal-Maksar li l-bomba nħadmet għandhom.' 

Kien hawn li daħal Kenneth Camilleri, li kien security ta' Joseph Muscat, biex jinfurmah li t-tlett irġiel kellhom jingħataw il-ħelsien mill-arrest u miljun ewro kull wieħed.

Melvin Theuma ma' Keith Schembri
Melvin Theuma ma' Keith Schembri

Kenneth jitfagħha fuq Theuma u jgħidlu li hu kien il-mandant

Wara din il-laqgħa, Theuma mar għand Mario Degiorgio, ħu George u Alfred, biex jinfurmah dwar il-ħelsien mill-arrest.

L-għada reġa' ltaqa' ma' Kenneth Camilleri. Qal li kellu karta bi tliet numri fuqha u qallu li wieħed minnhom kien tiegħu (ta' Theuma) u allura hu kien il-mandant.

'Ħassejtni tradut'

Theuma kompla jgħid lill-Qorti li wara din il-laqgħa beda jħossu tradut u li kien hawn li beda jibża' li se joqtluh jew inkella jitfgħuh il-ħabs.

"Inkredibbli kif il-Koħħu beda jitkellem fuqi meta jiena qatt ma kellimtu," saħaq Theuma.

Keith u Valletta kienu qed jinfurmaw lil Yorgen Fenech

Jason Azzopardi jkompli jistaqsi lil Melvin Theuma dwar minn fejn Yorgen Fenech kien qiegħed iġib l-informazzjoni li l-Koħħu kien qed jitkellem.

"Mingħand Keith Schembri u Valletta (l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija), wieġeb Theuma.

Fir-recordings, Theuma u Fenech jirreferu għal Valletta bħala "Valletta l-oħxon."

Tfakkira: Silvio Valletta kellu f'idejn il-każ qabel ma dan twaqqaf mill-Qorti fuq talba tal-familja Caruana Galizia. Fl-aħħar ġimgħat ġiet żvelata l-ħbiberija bejn Valletta u Fenech tant li Justyne Caruana, li tiġi martu, kellha tirriżenja minn Ministru għal Għawdex.

Mistoqsi dwar WhatsApp chat bejn Schembri, Fenech u Joseph Muscat

Jason Azzopardi staqsa lil Theuma jekk kienx hemm WhatsApp chat bejn Keith Schembri, Yorgen Fenech u Joseph Muscat.

Theuma saħaq li ma jafx iwieġeb dwar dan.

Theuma jgħid li ried jgħid kollox lil Jason Azzopardi

Theuma qal ukoll li f'dan iż-żmien meta beda jibża' li se jeħilsu minnu, kien ċempel lil Jason Azzopardi u qallu li xtaq ikellmu dwar "il-każ il-kbir."

Azzopardi, skont Theuma kien imsiefer u kien qallu biex iċempel lill-Avuakt Karol Aquilina.

"Waqgħetli l-battery tal-mowbajl u ddeċidejt li ma nagħmel xejn," qal Theuma.

Jason Azzopardi ma jiċħadx li Melvin Theuma kien ċempillu.

Kenneth Camilleri
Kenneth Camilleri

'Dan Kenneth kien jaf kollox'

L-Avukat tad-Difiża, Marion Camilleri kompliet tistaqsi lil Melvin Theuma dwar Kenneth Camilleri, kif kien jafu u għaliex għamel l-assoċjazzjoni li kien bagħtu Keith Schembri.

Theuma saħaq li kien Johann Cremona (mill-OPM) li ħa lil Kenneth id-dar għandu. "Dan Kenneth kien jaf kollox," insista Theuma.

Skont Theuma, Yorgen Fenech qatt ma tah l-ebda informazzjoni dwar Kenneth. "Yorgen kien ħalifli li ma jafux lil Kenneth Camilleri. Aktar tard Yorgen ikkonferma li Keith Schembri kien bagħat lil Kenneth," qal l-intermedjarju

Melvin Theuma qal ukoll li qatt ma staqsa lil Kenneth minn fejn ġab il-karta li fuqha kien hemm numri tal-mowbajls, inkluż tiegħu.

Theuma ma tantx deher komdu meta kien mistoqsi dwar jekk dan Johann Cremona kienx jaf lil Keith Schembri.

Aktar dwar Silvio Valletta

Jinstema' recording ieħor. F'ħin minnhom jinstema' jagħmel referenza għall-"ieħor."

Theuma jgħid li hawn qiegħed jirreferi għal Silvio Valletta.

"100% hu," insista Theuma. "Yorgen Fenech kien jgħidli li Valletta kien jagħtih l-informazzjoni. Se jerġa' jissemma' fir-recordings."

'Schembri kesaħ meta Fenech qallu bil-qtil'

Theuma jkompli jwieġeb dwar ir-recording. Huwa saħaq li meta Yorgen Fenech qal lil Schembri dwar il-qtil, dan "kesaħ."

Kompla jixhed u jgħid li Keith Schembri kien jaf kollox dwar il-bomba u hekk. Qal li Schembri "kesaħ" u qal lil Fenech li kien messu mar għandu qabel għamel li għamel.

Joseph Muscat ukoll jissemma fir-recordings

Huwa u jwieġeb, l-intermedjarju saħaq li Yorgen Fenech kien qallu li Keith Schembri kien infurmah li l-Pulizija għandhom suspett dwar min seta' qatel lil Daphne.

“Qalli dawn waslu ta ... Indannati kienu b’Joseph b’kollox,” qrat il-Maġistrat mit-traskrizzjonijiet tal-konverżazzjoni bejn Fenech u Theuma.

Theuma jikkonferma li din kienet referenza għal Joseph Muscat

Ġie mistoqsi jekk din kinitx l-uniku darba li Fenech semma lil Joseph Muscat.

"Iva," wieġeb Theuma. Saħaq li meta darba staqsa lil Fenech jekk għandux jitkellem ma' Joseph Muscat dwar il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest dan wieġbu: "ma tarax."

Jikkonferma wkoll li Fenech kien preżenti għall-festin f'għeluq snin Joseph Muscat, dakinhar li kien tah tliet fliexken inbid Petrus. Qal li jaf, għax wara l-festin, kien waslu l-ajruport.

Keith jistaqsi minħabba 'x-Xiħ'

Theuma jgħid ukoll li Yorgen Fenech qallu li Keith Schembri mar jistaqsi dwar il-ħelsien mill-arrest mal-Imħallef Antonio Mizzi.

Qal li għamel dan "minħabba x-xiħ." "Ix-xiħ" qed tirreferi għal Joseph Muscat.  

Intant għax- xhieda li ngħatat Valletta tenna li l-unika nformazzjoni li ghadda kienet waqt qadi ta dmirijieti. "Nerga ntenni li stajt naghmel dan qabel 13 ta’ Gunju 2018, ghax wara din id-data jien ma bqajtx parti minn din l-investigazzjoni."

 

 

Aqra wkoll:

More in Qrati u Pulizija