Theuma jisħaq li jinsab ċert li kien Keith Schembri li wiegħed il-ħelsien mill-arrest lill-akkużati

Isem Keith Schembri jerġa' jkun fiċ-ċentru tal-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech akkużat bħala l-moħħ wara l-qtil ta' Daphne

Dalgħodu kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, li qed ikun akkużat bħala l-moħħ wara l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Fenech, wieħed mill-aktar negozjanti ta' suċċess f'Malta, huwa wkoll is-sid ta' 17 Black il-kumpanija li bħala 'target clients' tagħha kellha l-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi. Hu kien arrestat fl-20 ta' Novembru li għadda waqt li kien ħiereġ bil-jott tiegħu minn Portomaso. 

Fis-seduta tal-lum bdew jinstemgħu r-recordings tat-telefonati bejn Melvin Theuma u Yorgen Fenech, b'isem Keith Schembri jerġa' jfeġġ meta Melvin Theuma jinstema' jitkellem ma' Yorgen Fenech dwar il-laqgħa li kellu ma' Kenneth mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Theuma saħaq li Kenneth, li kien security ta' Joseph Muscat, qatt ma qallu li bagħtu Keith Schembri iżda hu għamel din l-assoċjazzjoni. 

"Tant kemm kont ċert li bagħtu Keith Schembri li lanqas biss staqsejt," qal Theuma.

Preżenti, f'awla ppakkjata, kien hemm il-familja ta' Caruana Galizia u anke l-familja ta' Yorgen Fenech, inkluż il-mara tiegħu.

Dan huwa l-mod kronoloġiku ta' kif seħħew l-affarijiet fil-Qorti:

L-ewwel xhud: Espert tal-Qorti. Id-Difiża tisħaq li ma kinitx taf bih

L-ewwel xhur illum kien l-espert tal-Qorti Alvin Cardona. Cardona kien tqabbad minn Qorti oħra biex jeżamina l-laptop tal-vittma, żewġ kameras u anke l-memory cards.

Ippreżenta recordings u anke 23 ritratt lill-Qorti. Il-kontenut tar-ritratti għadhom mhux magħrufa. Ir-recordings huma dawk li kien żamm Melvin Theuma, l-allegat intermedjarju li kien ingħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef kull ma jaf.

Id-difiża lmentat li sat-Tlieta ma kinitx infurmata li kien se jitqabbad espert tal-Qorti u għalhekk ma kellix ċans tirribatti. Il-Maġistrat taħtaf lill-Ispettur Arnaud u tinsisti miegħu li kellu jinforma lid-Difiża.

Melvin Theuma ddaħħal fl-awla biex jisma' r-recordings u biex ikun mistoqsi fejn ikun hemm bżonn.

TFAKKIRA: Melvin Theuma kien beda jirrekordja t-telefonati tiegħu ma' Fenech meta beda jibża' li se jispiċċa fl-inkwiet u dan hekk kif ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. Dan ir-recordings, Theuma kien iżommhom f'kaxxa li ppreżenta lill-Pulizija. F'din il-kaxxa kien hemm ukoll ritratt tiegħu ma' Keith Schembri f'Kastilja. Kien intqal li dan ir-ritratt ittieħed biss ftit jiem wara li Fenech allegatament qal lil Theuma biex jorganizza l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia. Ftit wara, l-istess Theuma kien ingħata xogħol 'fantażma' mal-Gvern.

Ir-ritratt ta' Melvin Theuma (l-intermedjarju) ma' Keith Schembri
Ir-ritratt ta' Melvin Theuma (l-intermedjarju) ma' Keith Schembri

L-ewwel recording: Jinstema' isem Keith iżda Melvin jiċċara...

Fl-ewwel recording li nstema' fil-Qorti, Melvin Theuma jinstema' jgħid lil Yorgen Fenech li Keith Schembri qal lil Kenneth Camilleri, li kien security ta' Joseph Muscat, li l-aħwa Degiorgio kellhom jingħataw il-ħelsien mill-arrest u li kienu se jingħataw miljun ewro kull wieħed.

Il-Maġistrat staqsiet lil Theuma x'kien qallu Yorgen meta semmielu lil Keith Schembri. Theuma qal li Fenech dejjem qallu li kien qed jirċievi l-informazzjoni mingħand Keith Schembri.

Fir-recording Theuma jinstema' jgħid: "Keith qalli hekk," iżda fil-Qorti ċċara li mhux vera qallu Keith iżda Kenneth. "Jiena assoċjajt biss lil Kenneth ma' Keith."

Il-Qorti tissikkah biex jgħid għaliex għamel din l-assoċjazzjoni. 

Kenneth Camilleri
Kenneth Camilleri

'Kont ċert li bagħtu Keith Schembri li lanqas staqsejt'

Ikompli r-recording. "Kenneth waqa' mis-sema? Ma naħsibx li waqa' mis-sema." Jinstema' jgħid lil Fenech li l-informazzjoni li rċieva kienet mingħand Kenneth u li x'aktarx ġiet mingħand Keith Schembri, anke jekk Fenech ma jinstemax jagħtih ħafna wiċċ fuq dan. 

Jitwaqqaf ir-recording u l-Ispettur Arnaud jistaqsih u hu wieġeb: "Xi ħadd bagħat lil Kenneth ... tant kemm kont ċert li bagħtu Keith Schembri li lanqas biss staqsejt."

Melvin jgħid li kien se jieħu lil Mario Degiorgio fid-dar ta' Keith Schembri

Ikompli jgħid li ħu l-aħwa Degiorgio, Mario, kien jibgħatlu spiss jistaqsi dwar il-ħelsien mill-arrest.

Qal li kien qed jikkunsidra li jieħu lil Mario Degiorgio fid-dar ta' Keith Schembri fil-Mellieħa għax ma riedx jidħol fir-responsabbilità hu li jiggarantixxi l-ħelsien mill-arrest, għax wara kollox mhux hu kien qiegħed iwiegħed dan, iżda Kenneth Camilleri.

TFAKKIRA: Mario Degiorgio huwa ħu ż-żewġ aħwa Alfred u George Degiorgio li flimkien ma' Vince Muscat qed ikunu akkużati bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia

L-aħwa Degiorgio
L-aħwa Degiorgio

Il-Qorti mhijiex kuntenta bir-recordings

Il-Qorti qed tikkunsidra li tapponta espert li jisma' r-recordings u jiktibhom kelma b'kelma.

It-tir huwa li Melvin Theuma jwieġeb il-mistoqsijiet wara għax il-Qorti mhux kuntenta bil-kwalità tar-recordings. Fil-fatt, Melvin Theuma jinstema' ċar iżda Yorgen Fenech mhux daqshekk.

Is-smigħ ikompli darb'oħra.

Il-Qorti aġġornat għal darb'oħra. Is-smigħ li jmiss huwa skedat għall-5 ta' Frar fid-9:30am.

Żewġ seduti oħra huma skedati għal nhar it-13 ta' Frar u oħra għall-20 ta' Frar.

X'intqal fis-seduti li għaddew?

Fis-seduti li għaddew xehdu l-Ispettut Keith Arnaud u anke Melvin Theuma, l-allegat intermedjatju, bl-eks Chief of Staff Keith Schembri jispiċċa fiċ-ċentru tal-istess xhieda.

Anke jekk sar magħruf li Keith Schembri, u dan ikkonfermah hu stess, ikkomunika ma’ Fenech ġurnata qabel ma ġie arrestat huwa u ħiereġ bil-jott tiegħu minn Portomaso, mix-xhieda ta’ Arnaud irriżulta li li l-Pulizija qatt ma kkonfiskat il-mowbajl ta' Keith Schembri għax qalilhom li tilfu. 

Arnaud ikkonferma wkoll li Keith Schembri qed ikun investigat fuq 'omiċidju, tbagħbis ta' evidenza u reati oħra'.

Skont Keith Arnaud ukoll, Yorgen Fenech kien qal lill-Pulizija li meta kien fuq police bail, darba l-Ħadd, mar għandu d-dar it-tabib Adrian Vella u tah dokument. Dan id-dokument kien jinkludi verżjoni li Fenech kellu jgħid lill-Pulizija u jekk jagħmel hekk kellu jingħata l-maħfra Presidenzjali.

It-tabib Vella, skont l-ispettur Arnaud, kien ġie arrestat u mill-ewwel ammetta li kien għadda d-dokument. Dan kien tahulu Keith Schembri wara li Yorgen Fenech kien bagħtu għandu.

L-Ispettur kien xehed ukoll kif Yorgen Fenech kien ippjana u tkellem dwar il-ħarba tiegħu ma’ zijuh Ray u anke ma’ ħuh. 

Min-naħa tiegħu, Melvin Theuma kien insista li kien tkellem ma’ Yorgen Fenech dwar il-ħelsien mill-arrest tat-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia u li dan qallu li Keith Schembri, l-eks Chief of Staff se jara x’jista’ jagħmel.

Qal ukoll li ċertu "Kenneth minn Kastilja" (li kien security ta' Joseph Muscat) kien mar għandu u qallu li t-tlett irġiel kellhom jirċievu miljun ewro kull wieħed meta jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Iżda l-istess Kenneth ipprova jitfa l-ħtija tal-assassinju fuq Theuma wkoll. 

Theuma kien qed jibża’ wkoll li Keith Schembri se jgħin lil Yorgen Fenech biex jeliminaw lilu jew inkella jiftgħuh l-ħabs.

Dan l-artiklu se jkun aġġornat. Sadanittant aqra wkoll:

More in Politika