Keith Schembri qed ikun investigat fuq 'omiċidju, tbagħbis ta' evidenza u reati oħra'

Keith Arnaud jisħaq li waqt il-laqgħat f'Kastilja Keith Schembri qatt ma qalilhom li kien ħabib ta' Yorgen Fenech

Mistoqsi fil-Qorti, l-Ispettur Keith Arnaud saħaq li Keith Schembri qed ikun investigat dwar “omiċidju, tbagħbis ta’ evidenza u reati oħra.”

L-Ispettur li qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia qal dan waqt li kien qiegħed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant.

Arnaud saħaq li dawn l-investigazzjonijiet qed isiru minn taqsimiet oħra tal-Pulizija.

Schembri kien ġie arrestat fis-26 ta’ Novembru iżda kien inħeles u qatt ma reġa’ ġie arrestat.

Aktar kmieni waqt l-istess smigħ, irriżulta li l-Pulizija għadha qed tfittex il-mowbajl tiegħu, għax meta arrestawh, Keith Schembri qalilhom li kien tilfu.

L-Avukat Marion Camilleri staqsiet lil Arnaud jekk kien hemm min qed jgħaddi l-informazzjoni mill-investigazzjoni, bl-Ispettur iwieġeb fil-pożittiv u qal li dwar dan staqsa lil Yorgen Fenech. Fenech qed jisħaq li Keith Schembri kien qed jagħtih l-informazzjoni iżda l-eks Chief of Staff qed jiċħad.

Arnaud insista wkoll li hu ma kellux idea li Yorgen Fenech u Keith Schembri kienu ħbieb. Fakkar kif Fenech kien ilu minn Awwissu/Settembru tal-2018 suspettat. 

“Ismu ssemma Kastilja. Schembri qatt ma qalilna li kienu ħbieb,” saħaq Arnaud, xi ħaġa li kkonferma lbieraħ ukoll l-istess Keith Schembri.

Aqra aktar dwar dak li ħareġ illum waqt il-kumpilazzjoni:

More in Politika