L-Għaqda Repubblika akkużat lill-Gvern li qed jirredikola lill-Parlament hekk kif il-Gvern qed iressaq abbozz ta' liġi li permezz tiegħu meta ma jintlaħaqx qbil dwar min se jkun Kummissarju tal-Istandards bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, u allura l-persuna nominata ma tiksibx iż-żewġ terzi tal-vot, il-ħatra tgħaddi b'maġġoranza sempliċi.
Oriġinarjament fil-fatt din kienet proposta tal-Partit Nazzjonalista lura fil-manifest Elettorali tal-2017. Bħalissa fil-fatt għad ma hemmx Kummissarju tal-Istandards hekk kif ma hemmx qbil dwar l-isem li ressaq il-Gvern li huwa l-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi.
Repubblika qalet illi din il-liġi "tnaqqar id-demokrazija Maltija, tnaqqas it-trasparenza fil-Gvern, tkompli tgħaffeġ l-awtonomija tal-Parlament, u xxejjen għal kollox l-awtorità morali u prattika tal-Kummissarju għall-Istandards."
L-għaqda qalet illi fil-fatt kif ressaq il-liġi l-Gvern se jkun qed jagħti poter lilu nnifsu biex jinnomina persuni qrib tiegħu biex b'hekk "iġiegħel lill-Oppożizzjoni toġġezzjona, sakemm il-Gvern waħdu jaħtar lil min jaqbillu."
L-Għaqda Repubblika qalet illi l-liġi kif imressqa tagħmel uffiċċju importanti għall-governanza tajba ta’ Malta "puppazz ieħor tal-Gvern fejn jitqabbdu “persons of trust” biex jagħmlu dak li jaqbel lill-partit u biex jgħattu l-ħmieġ."