Mozzjoni biex ikun hemm żblokk f'każi meta ma jkunx hemm qbil fuq karigi Kostituzzjonali

Il-Prim Ministu Robert Abela ressaq mozzjoni għal mekkaniżmu anti-deadlock f'każ li kariga kostituzzjonali li suppost timtela' bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Parlament, ma tkunx tista' timtela' għax jibqa' ma jkunx hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni

Il-Prim Ministru Robert Abela ressaq mozzjoni għal mekkaniżmu anti-deadlock f'każ li kariga kostituzzjonali li suppost timtela' bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Parlament, ma tkunx tista' timtela' għax jibqa' ma jkunx hemm qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni kif fil-fatt qed jiġri bħalissa fil-każ tal-Ombudsman u l-Kummissarju tal-Istandards. 

Kien il-Gvern preżenti li fil-Leġiżlatura ta' qabel din introduċa din il-bidla biex ċerti karigi - inkluż dik ta' President tar-Repubblika - jinħatru bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tad-deputati. Din kienet fil-fatt proposta tal-Partit Nazzjonalista fil-programm elettorali tal-2017. 

Abela ċċara li hija x-xewqa tiegħu illi karigi bħal dawn jimtlew bl-approvazzjoni taż-żewġ terzi tal-Kamra tar-Rappreżentanti u kien "għalhekk ukoll li l-Prim Ministru ressaq ’il quddiem nomini ta’ nies ta’ ħila u integrità kemm għall-kariga ta’ Kummissarju għall-Ħarsien tal-Istandards fil-Ħajja Pubblika kif ukoll għall-kariga ta’ Ombudsman," qalet l-istqarrija tal-Gvern. L-istqarrija tgħid li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien saħansitra ta l-approvazzjoni tiegħu għaż-żewġ ismijiet kif ressaqhom il-Gvern. 

"Il-Gvern jemmen li fiċ-ċirkostanzi preżenti s-sens komun għandu jwassal biex ma jintużax dan il-mekkaniżmu, għaliex il-Kap tal-Oppożizzjoni diġà rrikonoxxa li l-isem propost għall-Kummissarju għall-Istandards huwa wieħed idoneju tant li għadu jaqbel li jista’ jservi fi rwol Kostituzzjonali ieħor. Għalhekk, il-Kap tal-Oppożizzjoni u l-Oppożizzjoni jistgħu liberalment jivvotaw favur in-nomina tiegħu kif kien oriġinarjament maqbul mal-Prim Ministru," temmet tgħid l-istqarrija. 

More in Politika