Prim Imħallef Emeritu u Imħallef Emeritu għall-karigi ta' Ombudsman u Kummissarju tal-Istandards

Il-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi għal Kummissarju tal-Istandards u l-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon għall-irwol ta' Ombudsman

Il-Prim Ministru Robert Abela ressaq żewġ mozzjonijiet biex il-Parlament ikun jista’ jivvota għall-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika u ta’ ombudsman.

Għall-irwol ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Ministru qed jinnomina lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi. Filwaqt li għall-irwol ta’ Ombudsman, il-Prim Ministru Robert Abela qed jinnomina lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon.

Il-Prim Ministru Robert Abela jemmen li ż-żewġ eks ġudikanti għandhom il-kwalifiki, l-esperjenza, l-integrità u l-ħiliet meħtieġa biex iservu f’dawn iż-żewġ rwoli. "Dan saħansitra kkonfermah il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu li mhux biss inizzjalment qabel man-nomini, hekk kif qed jiġu ppreżentanti fiż-żewġ mozzjonijiet, iżda reġa’ indika li lest jaċċetta li l-eks Prim Imħallef jista’ jservi f’kariga kostituzzjonali," temm jgħid il-PM Abela. 

'Prim Ministru arroganti' - PN

Il-Partit Nazzjonalista fi stqarrija iżda iddeskriva lill-PM bħala "arroganti" wara li saħaq illi filwaqt li l-Oppożizzjoni kienet qed taqbel mal-ħatra tal-Ombudsman iżda mhux man-nomina għall-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja Pubblika.

"Il-fatt li l-Gvern iddeċieda li jressaq mozzjoni dwar il-Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja Pubblika mingħajr ma hemm ftehim bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni jikkonferma l-arroganza tal-Prim Ministru Robert Abela li jibqa’ jipprova jgħaddi romblu minn fuq kulħadd," akkuża l-Partit Nazzjonalista. 

Il-PN akkuża wkoll lill-Prim Ministru li ilu xhur jagħmiha diffiċli li jkun hemm diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra dwar ħatriet importanti bħal ma huma dawk tal-Ombudsman u tal-Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika. 

 

More in Politika