Anke l-infermiera mħassba dwar l-emenda tal-Gvern dwar l-abort; L-MUMN titlob laqgħa urġenti

L-MUMN qalet li l-abbozz għandu jkun ċar u miktub b’tali mod li jissalvagwardja l-ħajja tal-omm meta din tkun fil-periklu iżda anke l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf

Il-Unjin Maltija għall-Infermiera u l-Qwiebel talbet laqgħa urġenti mal-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne biex jiddiskutu l-emenda li qed tkun diskussa fil-Parlament dwar it-terminazzjoni tat-tqala f’sitwazzjonijiet fejn is-saħħa tal-omm tkun f’riskju.

Fi stqarrija, l-MUMN fakkret li l-infermiera u l-qwiebel huma stakeholders important u għandhom “tħassib” u “dubji” dwar din l-emenda u għalhekk appellat biex dawn ikunu diskussi qabel effettivament issir il-liġi.

Insistew li l-abbozz għandu jkun ċar u miktub b’tali mod li jissalvagwardja l-ħajja tal-omm meta din tkun fil-periklu iżda anke l-ħajja tat-tarbija fil-ġuf.

L-MUMN qalet li l-Gvern ma jistax “jgħaddi romblu” minn fuq l-infermiera f’suġġett delikat bħal dan.

Saħqet li l-abbozz għandu jgħaqqad lill-istakeholders kollha biex kulħadd jiddiskuti u jagħti l-opinjoni tiegħu u jintlaħaq qbil bejn kulħadd.

Hu mifhum li din il-laqgħa se tkun qed issir fil-jiem li ġejjin, bl-MUMN se tkun qed tressaq l-proposti tagħha biex tkun issalvagwardjata kemm il-ħajja tal-omm u anke tat-tarbija fil-ġuf. 

Aqra wkoll: Il-President Vella lest jirriżenja jekk tkun approvata l-emenda tal-abort kif proposta mill-Gvern

More in Politika