Il-PN kontra l-abbozz li ressaq il-Gvern għax jgħid li dan se jintroduċi l-abort f'Malta

Jinsisti li l-Kodiċi Kriminali jista' jiġi emendat biex ikun hemm ċertezza legali u protezzjoni għan-nies tqal, it-trabi fil-ġuf u anke l-professjonisti mediċi mingħajr ma jkun introdott l-abort

Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ħareġ il-pożizzjoni tiegħu dwar l-emendi li ressaq il-Gvern biex jipproteġi lit-tobba u anke l-ommijiet minn azzjonijiet kriminali, f'każ li tittieħed id-deċiżjoni li titwaqqaf it-tqala' jekk il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu.

Fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-abbozz li ressaq il-Gvern se jkun qed jintroduċi l-abort f'Malta u għalhekk il-PN ma jista' qatt ikun favur tiegħu. 

"B’dan l-abbozz ta’ liġi l-Prim Ministru Robert Abela qed jikser il-kelma li ta lill-poplu Malti u Għawdxi meta f’Jannar 2020 stqarr li ser jiġġieled kontra min jipprova jintroduċi l-abort f’pajjiżna," qal il-Partit Nazzjonalista.

L-istqarrija tispjega kif waqt laqgħa li saret ilbieraħ, il-Grupp Parlamentari ddiskuta wkoll il-bżonn li l-liġijiet ta’ Malta joffru ċertezza legali u protezzjoni għan-nisa tqal, it-trabi fil-ġuf u l-professjonisti fil-qasam tas-saħħa f’każ meta jkun meħtieġ intervent biex tiġi salvata l-ħajja tal-omm li tkun tinsab f’periklu ċar. 

Għalhekk il-Grupp Parlamentari esprimi sodisfazzjon għall-fatt li l-proposta mressqa minn 81 akkademiku u professjonist tirrifletti l-pożizzjoni tal-PN dwar kif il-Kodiċi Kriminali għandu jiġi emendat biex jintlaħaq dan l-għan mingħajr ma jiġi introdott l-abort f’pajjiżna.

"Nistennew li l-Gvern jagħti widen għal dak li qiegħed jgħid l-Partit Nazzjonalista bl-appoġġ sħiħ tal-akkademiċi u l-professjonisti Maltin. Filwaqt li Robert Abela jrid idaħħal l-abort, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ l-unika forza politika favur il-ħajja f’pajjiżna," qal il-Partit Nazzjonalista.

'Bernard Grech qiegħed jiżgwida u jipprova jbeżża’

B'reazzjoni, il-Partit Laburista qal li dak li qal Bernard Grech u l-Partit Nazzjonalista mhuwiex ibbażat fuq il-fatti u akkuża lil Grech li qed jipprova jiżgwida u jbeżża’ b’dak li mhux minnu.

"F’kull test li jkollu quddiemu Bernard Grech jagħżel il-logħba tal-partiġjaniżmu politiku," qal il-PL.

L-istqarrija tisħaq li l-għan tal-abbozz huwa li tkun iċċarata l-pożizzjoni legali tat-tabib u tal-omm f'ċirkostanzi fejn it-tqala twassal sabiex l-omm tbati minn kumplikazzjoni medika li tkun tista' tqegħdilha ħajjitha f'riskju jew saħħitha f'periklu gravi. 

Insista li fil-liġijiet qed issir emenda waħda biss, li tiċċara li meta l-professjonisti mediċi jaqblu li t-tqala għandha tkun itterminata minħabba kumplikazzjoni medika li tkun tista' tqiegħed ħajjet l-omm f'riskju jew saħħa ta’ periklu gravi, din it-terminazzjoni ma titqiesx bħala reat taħt l-artikoli 241(2) jew 243 tal-istess Kodiċi Kriminali.

"Li jfisser ukoll li l-artikoli li diġà jeżistu fil-Kodiċi Kriminali dwar l-abort se jibqgħu hemm. Hija wkoll emenda li tafda f’idejn il-professjonisti mediċi. Din hi kwistjoni li saħansitra fl-aħħar xhur tqanqlet mit-tobba stess," insista l-Partit Laburista. 

Il-PN temm jisħaq li m’għandu jkun hemm l-ebda xkiel fl-għoti tal-kura neċessarja lill-omm. Din hi liġi li ssalva ħajjet l-omm.  

Aqra wkoll:

More in Politika