'Abela qed jisirqek!'... Grech jitkellem dwar il-faqar, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u anke l-Ombudsman

F'intervista fuq NET FM il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech tkellem dwar il-faqar, il-kontijiet tad-dawl u l-ilma u l-Ombudsman

It-tema ta’ “kwalità ta’ ħajja aħjar” se tkun qed tiddomina d-diskussjonijiet u l-avvenimenti li se jagħmel il-Partit Nazzjonalista sabiex jiċċelebra l-festa tal-Indipendenza din is-sena. L-istess tema, b’aċċenn partikolari fuq il-faqar, kienet ukoll diskussa mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech fuq l-istazzjon rad-radju NET FM.

“L-istatistika ma tigdibx,” insista Grech meta kien mistoqsi minn Dione Borg dwar in-numri maħruġa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO).

Il-ġurnalist fakkar li l-istess statistika turi illi 90,000 persuna qegħdin f’riskju ta’ faqar u hawn Grech sostna li dan juri li minkejja hawn min qiegħed jgħix komdu, “il-Gvern qiegħed jabbanduna għal kollox il-bżonnijiet tal-Maltin u Għawdxin li qed issibuha diffiċli biex ilaħħqu.”

Spjega kif għalih din hija kriżi u li f’kwistjoni bħal din il-Gvern m'għandux biss jiddiskuti iżda jrid ukoll jieħu azzjoni b’politika u pjan sewwa.

Intant, huwa żied jgħid illi l-Gvern huwa aljenat bi problemi akbar u "dawn ma jinkludux biss koruzzjoni u ġlied intern." Huwa minħabba dawn il-problemi illi, skont Grech, il-Gvern qed jonqos milli jinvesti fl-edukazzjoni, infrastruttura u b’mod iktar ġenerali, kwalità ta’ ħajja aħjar.

“M’għandhiex biss faqar materjali. Għandna problema kbira bl-eluf ta’ nies li jgħidulek li mhux iħossuhom jgħixu ħajja ta’ kwalità. Bħal ma hawn żgħażagħ jgħidulek li qed iħossuhom jivgaw.”

Dwar dan, Bernard Grech temm jgħid li filwaqt li d-Deputati Nazzjonalista fi ħdan il-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi (PAC), qed jipprovaw jiddiskutu dan kollu, “il-Gvern qed jippreżenta rapporti tal-faqar ta’ erba’ snin ilu." Skont Grech, dan il-Gvern qed jagħmlu sabiex “jitfa’ l-bżar fl-għajnejn.”

‘Il-Gvern Laburista Malti qed jisraqna... Robert Abela qed jisirqek’

Id-diskussjoni daret fuq il-kontroversja tal-kontijiet tad-dawl u ilma li l-PN ilhu jkun voċiferi fuqhom għall-aħħar ftit snin.

Lura fl-Lulju ta’ din is-sena, il-Qorti sabet lill-ARMS ħatja illi qed tikser il-liġi bil-mod kif qed taħdem il-kontijiet. Din is-sentenza, għal PN, kienet tikkonferma li tal-Gvern kienet skuża, meta kien jgħid li l-Avviż Legali daħal taħt Gvern Nazzjonalista.

Grech insista ma’ Dione Borg illi issa “ħadd ma fadallu dubju illi l-Gvern Laburista ilu jisraqna għal snin twal.” 

Irrakonta kif fi żmien Joseph Muscat, il-Gvern Laburista kien jiċħad kull akkuża tal-PN. Meta kienu “inqabbdu fil-gidba”, Muscat, li dak iż-żmien kien għadu Prim Ministru,  kien wiegħed li l-Gvern kien se jsib soluzzjoni, madanakollu “sal-lum il-ġurnata l-Gvern għadu ma sab xejn.”

Hawn fejn Grech għamel enfasi dwar kif “il-Gvern qiegħed jisraqna.” 

Grech jikkonferma li Abela għadu ma kkonsultax miegħu dwar il-ħatra ta' Ombudsman u Kummissarju tal-Istandards ġdid

Ġie mistoqsi dwar il-kariga ta’ Kummissarju tal-Istandards ġdid minflok George Hyzler li rriżenja wara li nħatar membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista stqarr li s’issa għadu ma għamel l-ebda konsultazzjoni mal-Prim Ministru dwar dan u lanqas dwar il-ħatra ta’ Ombudsman ġdid. 

Anthony Mifsud, illi bħalissa hu l-ombudsman, skadilu t-terminu f’Marzu tal-2021. Minkejja illi kien indika mil-ewwel li ma xtaqx iġedded it-terminu tiegħu fil-ħatra għal sena oħra, il-Gvern u l-Oppożizzjoni baqgħu ma rnexxielhomx jaqblu dwar min għandu jinħatar minfloku.

F’Mejju tal-istess sena, l-gazzetta ILLUM kienet irraportat dwar “istituzzjonijiet f’limbu assolut” wara li kemm il-PL u anke l-PN kważi kważi ħaslu idejhom mid-deċiżjoni.

Għall-ewwel darba minn kemm ilu jeżisti l-Ombudsman, dan jeħtieġ ikun approvat miż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati, u l-istess imur għall-Kummissarju tal-Istandards.

Intant, f’din l-intervista Grech ikkonferma li minkejja qed ifakkar lil Prim Ministru dwar dawn id-deċiżjonijiet, Abela għadu ma kkonsultax, la miegħu u lanqas mal-entitajiet u l-korpi kostitwiti oħra.

More in Politika