Il-Qorti ssib lill-ARMS ħatja illi qed tikser il-liġi bil-mod kif qed taħdem il-kontijiet

... u tordna lill-kumpanija biex tagħti rifużjoni sħiħa lil tnejn minn nies li fetħu kawża kontra l-Gvern

Il-Qorti ordnat lill-ARMS biex tirrifondi lura flus lil żewġ klijenti wara li sabet lill-kumpanija ħatja illi kisret il-liġi meta kienet qed tikkalkula l-kontijiet tagħhom. Din is-sentenza tiġi wara diversi akkużi mill-Oppożizzjoni li l-poplu qed "jinsteraq" mill-kontijiet, b'inizjattiva li permezz tagħha diversi marru d-Dar Ċentrali jippreżentaw il-kontijiet tagħhom biex ikun determinat l-ARMS kinitx qed taħdmilhom il-kont ħażin jew le. 

L-Avukat Maxilene Pace qalet illi din is-sentenza tfisser illi kull min jiddeċiedi li jieħu lill-ARMS il-Qorti fuq il-kontijiet tagħhom għandu jingħata rifużjoni għal dak żejjed li ħallsu. 

Il-każ huwa ta' Darren Cordina u Melvin Polidano, li akkużaw lill-ARMS illi qed jiksru l-liġi għax qed jippubblikaw il-kontijiet tagħhom fuq bażi pro-rata, milli fuq il-konsum annwali kumultattiv. 

Komplew jisħqu li l-mod illi bih l-kontijiet qed ikunu ippubblikati mhux qed iħallihom - bħala konsumaturi - milli jgawdu mill-benefiċċji ta' sistema ta' tisħin li kienu xtraw. Huma qalu li kienu wkoll mhedda bil-qtugħ tal-provvista jekk ma jħallsux il-kont li dwaru huma fetħu l-każ fil-Qrati. 

Il-Qorti qed tordna li l-Gvern jirrevedi l-liġi tal-2017 u tirrifondi lura l-flus lill-konsumaturi. 

'Qed niffinalizzaw l-aspetti għal Avviż Legali ġdid' - MInisteru għall-Ambent, l-Enerġija u l-Intrapriża

Intant fl-ewwel reazzjoni għal din is-sentenza l-Gvern permezz tal-Ministeru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Intrapriża qal li qed jiffinalizza l-aspetti kollha biex jibda jitħaddem Avviż Legali ġdid dwar il-ħruġ tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma, "kif ġie imwiegħed fil-Budget għal din is-sena."

Dan se jibda jgħodd għall-kontijiet li bdew ħerġin minn Jannar ta' din is-sena. 

"L-avviż legali preżenti kien introdott fl-2009 u l-unika bidla li saret minn dakinhar kienet li l-kontijiet raħsu b’25%.  Fil-Budget 2022, il-Gvern għamel impenn ċar li l-avviż legali li jirregola l-komputazzjoni tal-kontijiet tad-dawl u tal-ilma se jkun emendat," fakkar il-Ministeru. 

'Il-Qorti tikkonferma li kulħadd għandu jieħu l-flus lura, mhux min fetaħ il-kawża biss' - PN

Anke l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija u fiha sostna li din is-sentenza tikkonferma li tal-Gvern kienet skuża, meta kien jgħid li l-Avviż Legali daħal taħt Gvern Nazzjonalista, kif fil-fatt reġa' qal fl-istqarrija tiegħu. "Il-Qorti ddikjarat b’mod ċar li l-metodu li beda juża’ l-Gvern Laburista fl-2014 huwa bi ksur ta’ dak l-Avviż Legali, u mhux għax beda jimxi miegħu."

Il-Partit Nazzjonalista sostna l-pożizzjoni tiegħu, li wara li ġiet konfermata mill-Awditur Ġeneralil, "issa hi wkoll konfermata mill-Qorti, li dan l-aġġustament annwali għandu jibda japplika għal kulħadd u li l-klijenti kollha li ġew affetwati, mhux biss dawk li lesti jiftħu kawża, għandhom jieħdu l-flus li ħallsu żejda lura."

 

 

More in Politika