Istituzzjoni f'limbu assolut hekk kif il-partiti jibqgħu ma jaqblux fuq Ombudsman ġdid

Għall-ewwel darba minn kemm ilu jeżisti l-Ombudsman, dan jeħtieġ ikun approvat miż-żewġ terzi tal-Kamra tad-Deputati

L-Ombudsman kurrenti, waqt il-ġurament tal-ħatra
L-Ombudsman kurrenti, waqt il-ġurament tal-ħatra

Minkejja li issa għaddew ġimagħtejn oħra mill-aħħar aħbarijiet, il-gazzetta ILLUM hija infurmata li ma kien hemm ebda żblokk fil-kwistjoni tal-Ombudsman u dan minkejja li l-Ombudsman kurrenti, Anthony C Mifsud, spiċċalu t-terminu f'Marzu li għadda, xaharejn ilu. 

Din is-sitwazzjoni għall-ewwel darba tfisser li istituzzjoni tinsab prattikament f'limbu hekk kif Mifsud għamilha ċara li ma jridx jagħmel terminu ieħor, ibbażat fuq raġunijiet personali.  Il-liġi tobbligah iżda li jibqa' sakemm tinstab il-persuna li se teħodlu postu. 

 Minkejja dan il-Gvern u l-Oppożizzjoni qed jibqgħu jinsistu fuq l-ismijiet tagħhom, qalu sorsi mal-ILLUM u jidher li dan il-kompromess mhux se jintlaħaq malajr bil-konsegwenza li l-Uffiċċju tal-Ombudsman jinsab f'limbu assolut.  Dan qed iseħħ minħabba riforma li seħħet fl-aħħar sena u li issa jfisser li biex ikun maħtur Ombudsman ġdid, dan jeħtieġ il-vot taż-żewġ terzi tal-Kamra.  

Jidher li lanqas il-President tar-Repubblika għadu ma rnexxielu jsolvi din is-sitwazzjoni.

Filwaqt li l-Gvern ressaq diversi ismijiet, fosthom Imħallef Emeritus li rtira snin ilu, il-PN qed iressaq ismijiet oħrajn - fosthom, tinsab infurmata din il-gazzetta, Martin Bugelli, li kien Kap tar-Rappreżentanza tal-Kummissjoni Ewropea f'Malta, fost oħrajn.  Il-Gvern mhux jaċċetta dan l-isem u l-PN mhux jaċċetta lill-Imħallef Emeritus. 

Il-midja, fosthom l-illum.com.mt irrappurtaw kif isem ieħor li kienet qed tmexxi 'l quddiem l-Oppożizzjoni kien George Hyzler - il-Kummissarju preżenti tal-Istandards   - iżda l-Kap tal-PN Bernard Grech kien qal illi hu sempliċiment semma' ismu għax ħaseb li t-terminu ta' Hyzler jagħlaq din is-sena, li mhuwiex il-każ. 

Grech kien sostna illi Abela kien irresponsabbli meta - skont hu - għadda ismijiet li suppost jibqgħu kunfidenzjali lill-midja. 
L-Ombudsman huwa wieħed mill-aktar istituzzjoni importanti f'pajjiżna u l-oġġettiv tiegħu huwa li jikkontribwixxi lejn servizz pubbliku u miftuħ, fost oħrajn.  Huwa llum punt ta' referenza għal eluf ta' nies li ħassewhom inġurjati jew inkella ddiskriminati minn deċiżjonijiet meħuda f'entitajiet pubbliċi, minn Ministeri jew mill-Gvern. 

Wara r-riforma mmexxija mill-Ministru Edward Zammit Lewis, liema riforma għaddiet b'mod unanimu fil-Parlament f'Lulju 2020, l-Ombudsman imma anke l-Kummissarju tal-Istandards u l-President tar-Repubblika jeħtieġ ikunu maħtura biż-żewġ terzi tad-Deputati tal-Parlament. 

Sorsi li tkellmu ma' din il-gazzetta, meta mistoqsijin x'se jiġri issa, sostnew li "għalissa deadlock - imma tibqa' għaddejja l-medjazzjoni sakemm il-Gvern u l-Oppożizzjoni jsibu isem li huwa aċċettabbli għat-tnejn." 

 

More in Politika