Il-PN jilmenta dwar studenti li qed jagħmlu l-eżamijiet tal-MATSEC fi sħana qawwija

Il-partit jgħid li studenti qed jagħmlu eżamijiet importanti mingħajr arja kundizzjonata u jitlob pjan urġenti biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fl-iskejjel

Il-Partit Nazzjonalista qajjem tħassib dwar il-kundizzjonijiet li fihom qed isiru l-eżamijiet ta’ Settembru tal-MATSEC, wara rapporti li xi studenti kellhom jagħmlu l-eżamijiet tagħhom fi sħana qawwija minħabba nuqqas ta’ arja kundizzjonata.

Il-PN qal li fl-aħħar jiem diversi studenti u persuni li qed jissorveljaw l-eżamijiet ilmentaw dwar il-kundizzjonijiet li qed jiffaċċjaw fl-eqqel tas-sajf.

Żied jgħid li anke għadd ta’ ġenituri rrappurtaw li wliedhom qed jiffaċċjaw l-istess kundizzjonijiet.

Il-partit iddeskriva s-sitwazzjoni bħala “inaċċettabbli” u talab lill-gvern iħejji pjan ċar u urġenti biex jiżgura li l-iskejjel ikollhom sistemi adegwati ta’ tkessiħ u ventilazzjoni, b’mod partikolari waqt mewġiet ta’ sħana u fil-perjodi tal-eżamijiet.

Il-PN ippropona wkoll li jiġu installati pannelli fotovoltajċi fuq il-bjut tal-iskejjel biex jiġġeneraw l-elettriku li jista’ jintuża biex jitħaddmu sistemi tal-arja kundizzjonata fil-klassijiet.

“L-istudenti qed jagħmlu eżamijiet li jistgħu jkunu deċiżivi għall-futur tagħhom, u għandhom id-dritt jagħmluhom f’ambjent sigur u dinjituż,” qal il-partit.

Il-PN sostna li ma jistax ikun hemm diskors dwar titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni meta lanqas l-aktar kundizzjonijiet bażiċi ma jkunu qed jiġu garantiti.

Il-partit saħaq ukoll fuq il-ħtieġa ta’ aktar investiment fl-infrastruttura tal-iskejjel. Qal li dan m’għandux ikun limitat għal proġetti ġodda, iżda għandu jinkludi wkoll manutenzjoni preventiva kontinwa tal-binjiet eżistenti.

Skont il-PN, il-kwalità fl-edukazzjoni ma tibdiex bis-slogans, iżda billi l-istudenti u l-edukaturi jingħataw l-ambjent li jistħoqqilhom.

“Jekk verament irridu nagħmlu qabża ’l quddiem fil-kwalità, l-ewwel irridu niżguraw li l-pedamenti jkunu sodi,” qal il-partit, filwaqt li sostna li għad hemm nuqqasijiet kbar anke fl-aktar aspetti bażiċi.

Il-PN temm jgħid li se jkompli jisma’ lill-istudenti, lill-ġenituri u lill-edukaturi biex ifassal soluzzjonijiet konkreti bil-għan li l-iskejjel joffru ambjent sigur u dinjituż.

More in Politika