Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu qal li dwar l-għoli tal-ħajja l-Gvern diġà wettaq u bil-qawwi billi, l-ewwelnett, rażżan il-prezzijiet tal-enerġija, li f'Malta jfakkar li huma fost l-orħos hekk kif tali prezzijiet żdiedu madwar l-Unjoni Ewropea kollha. "Irnexxielna hawn Malta nżommu l-prezzijiet b'mod stabbli, jiġifieri li ma jogħlewx. U aħna saħansitra raħħasna l-fjuwils ukoll," kompla jisħaq il-PM Robert Abela. Huwa qal illi l-prezzijiet tal-fjuwils f'Malta huma l-irħas fl-UE, fejn jgħid li l-prezzijiet hemm fejn jissuperaw dawk ta' Malta b'50ċ kull litru.
Fil-fatt ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw li f'Novembru 2021 il-Maltin kienu qed iħallsu t-tieni l-orħos prezzijiet tad-dawl għad-djar tagħhom, bil-Lussemburgu biss ikollhom prezzijiet orħos.
Abela sostna li fejn il-Gvern seta' u fejn il-Gvern għandu s-saħħa li jwettaq, wettaq. "Fejn stajna nagħmlu għamilnih, fejn għandna kontroll... u fejn nistgħu nwieżnu se nkomplu nwieżnu kif dejjem għamilna," saħaq il-PM Abela f'risposti lill-ġurnalisti.
Bħalissa l-prezzijiet tal-ikel qed jesperjenzaw żidiet konsiderevoli minħabba diversi fatturi, mhux l-inqas iż-żieda fil-prezzijiet tal-enerġija, iż-żieda fil-prezzijiet ta' trasportazzjoni, iż-żieda fil-prezzijiet internazzjonali tal-qamħ u l-ġwież kif ukoll il-fattur tal-Brexit.
Dwar il-Covid-19 u l-bidliet mħabbrin ilbieraħ Abela qal li l-elezzjoni mhijiex kriterju ta' x'miżuri jsiru u li l-uniku kriterju jibqa' dak xjentifiku u ħeġġeġ lil aktar nies biex jieħdu d-doża booster sabiex b'hekk inkomplu fit-triq tagħna lejn in-normalità. Ilbieraħ il-Ministru tas-Saħħa u Deputat Prim Ministru Chris Fearne ħabbar li sa issa 70% tal-popolazzjoni adulta diġà ħadet il-booster kontra l-Covid-19.
'Għandna l-kredenzjali biex inwettqu u se nkomplu nwettqu'
Intant mistoqsi dwar il-proposti tal-Partit Nazzjonalista dwar l-oqsma tal-midja, governanza u aktar Abela saħaq illi minn mindu kien ippubblikat ir-rapport tal-Inkjesta Pubblika fil-Qtil ta' Daphne Caruana Galizia il-Gvern iltaqa' mal-familja Caruana Galizia, mal-Istitut Malti tal-Ġurnaliżmu u anke ma' MEPs. "Wasalna għal numru ta' abbozzi ta' liġijiet, fosthom il-Liġi anti-Slapp, li ġiet rikonoxxuta minn Politico u issa nedejna l-Kumitat ta' esperti mmexxi minn Imħallef irtirat li se jkun qed jevalwa is-sitwazzjoni tal-ġurnaliżmu u l-midja f'Malta."
Huwa sostna li meta tara min huwa wara l-abbozzi tal-PN ma tantx ta eżempji f'aġir ta' governanza tajba, għalkemm ma rreferix eżatt għal min qed jirreferi. "Il-Maġistrati Inkwirenti tajnihom riżorsi bla preċedent. Għandna l-kredenzjali biex inwettqu u se nkomplu nwettqu."
Abela temm jiċħad li b'xi mod huwa għandu xi taxxa dovuta xi jħallas fuq xi proprjetà tiegħu.