Mit-Tnejn il-maskra fuq barra mhux se tibqa' obbligatorja għal min ħa l-booster

Ir-ristoranti u anke l-bars jistgħu jneħħu d-distanza bejn l-imwejjed u jilqgħu nies skont kemm tippermettilhom il-liċenzja

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar li mit-Tnejn li ġej, għal dawk li ħadu l-booster tal-vaċċin, l-ilbies tal-maskra mhux se jibqa' obbligatorju fit-toroq.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet f'San Vinċenz de Paule, Fearne saħaq li hekk kif sa dan tmiem il-ġimgħa, 70% tal-adulti Maltin se jkunu ħadu l-booster, il-maskra għalkemm rakkomandata, mhux se tibqa' neċessarja. 

Is-sitwazzjoni se terġa' tkun eżatt bħal tal-Ħarifa. Dan ifisser li jekk ikun hemm grupp ta' aktar minn żewġ persuni, anke jekk ikunu ħadu l-booster, dawn xorta waħda jridu jilbsu l-maskra.

Il-maskri xorta waħda jridu jitlibbsu fuq ġewwa, inkluż fil-ħwienet u stabbilimenti.

Irrilaxxati aktar miżuri...

Fearne ħabbar ir-rilaxx ta' aktar restrizzjonijiet li se jidħlu fis-seħħ hekk kif mit-Tnejn, f'diversi stabbilimenti, se jkun obbligatorju li persuna turi ċertifikat validu tal-vaċċin.

Fil-fatt, ir-ristoranti, bars u snackbars se jkunu jistgħu jneħħu d-distanza bejn l-imwejjed u jilqgħu nies skont kemm tippermettilhom il-liċenzja. Madanakollu, l-istess stabbilimenti xorta waħda jridu jagħlqu fis-1am.

Avvenimenti sportivi jistgħu jibdew jilqgħu ukoll il-partitarji.

Attivitajiet organizzati se jibqgħu b'udjenza bilqiegħda

Fejn jidħlu attivitajiet organizzati, Fearne spjega kif għalissa dawn se jibqgħu permessibbli biss jekk l-udjenza jew il-klijenti jibqgħu bilqiegħda.

Fearne saħaq li dan il-miżuri se jkunu jistgħu jibqgħu rrilaxxati hekk kif aktar nies jieħdu l-booster u l-immunità fil-kommunità tkun qawwija biżżejjed.

More in Politika