Grech jipproponi li jibda jinħoloq Gvern interim malli jiġi xolt il-Parlament

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech jipproponi li jitwaqqaf Att kontra 'ġid mhux spjegat' u allura proprjetà minn fondi maħmuġin, protezzjoni lill-ġurnalisti kif ukoll Maġistrat Inkwirenti Speċjali kontra l-korruzzjoni...

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech dalgħodu waqt konferenza tal-aħbarijiet ħabbar illi l-istess Oppożizzjoni fil-ġranet li ġejjin u hekk kif jerġa' jiftaħ il-Parlament se tkun qed tressaq abbozz li fih hemm elenku ta' atti sabiex - fi kliem Grech - jiġu rrispettati u mwettqin il-konklużjonijiet tal-inkjesta pubblika fil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, fost oħrajn. 

Fost il-proposti li se tkun qed tressaq 'il quddiem l-Oppożizzjoni hemm Att li joħloq Gvern Interim mix-xoljiment ta' elezzjoni ġenerali sal-ġurnata li dan jerġa' jiftaħ wara elezzjoni ġenerali biex b'hekk ma jkunx hemm lok ta' abbuż mill-poter waqt dan iż-żmien hekk politikament sensittiv. 

Fost l-Atti li qed iressaq il-PN hemm wieħed li jagħti protezzjoni lill-ġurnalisti, fosthom minn min ikun se jiftaħ proċeduri magħmulin sabiex dak il-ġurnalist jiġi mkisser jew intimidat. Dan l-Att jikkorrispondi ħafna mal-ħidma wkoll li qed issir fil-Parlament Ewropew f'dak li jirrigwarda leġiżlazzjoni anti-Slapp. Att ieħor apparti - iżda li jikkonċerna l-ġurnaliżmu wkoll huwa dak li permezz tiegħu tkun provduta l-ogħla protezzjoni possibbli għad-dritt ta’ ġurnalizmu ħieles, indipendenti u imparzjali bħala wieħed mill-pillastri ewlenin tas-Saltna tad-Dritt, u dan billi d-dritt fundamentali għall-media ħielsa jkun ankrat fil-kostituzzjoni.

Att ieħor li qed tipproponi l-Oppożizzjoni jistabbilixxi uffiċċju ta' Maġistrat Inkwirenti Speċjali kontra l-korruzzjoni b'setgħat kbar - fosthom li jibda proċeduri u investigazzjoni kontra korruzzjoni mingħajr il-bżonn u minn jeddu. 

Att ieħor huwa dak li permezz tiegħu jiġi maħluq reat meta persuna ma tiddikjarax xi ħaġa jew inkella tiddikjara falz quddiem awtorità ġudizzjarja  fi proċedimenti kriminali meta dik il-persuna għandha d-dritt li tibqa’ siekta u, jew id-dritt li ma tinkriminax ruħha, dak li jissejjaħ l-intraċċ tal-ġustizzja.

L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jibqa’ determinat li frott din il-konsultazzjoni issa jħabbar il-passi li jmiss fil-ġranet li ġejjin Il-Gvern Malti

Grech ħabbar ukoll li fost dawn l-Atti l-PN qed jipproponi wieħed li permezz tiegħu tinħoloq l-Ordni ta' Ġid mhux Spjegat li jilleġiżla kontra persuni li jkollha fil-pussess tagħha proprjetà li tkun ġejja minn fondi, minn reat serju ħafna li jġorr disa' snin priġunerija. Dan allura se jkun qed jattakka proprjetà u assi li jkunu ġew minn flus maħmuġin, bħal per eżempju, ħasil tal-flus. ​

L-Oppożizzjoni se tkun qed tressaq ukoll Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reati minn uffiċjal pubbliku inkarigat bl-infurzar tal-ligi li  jonqos minn dmiru, Att li jipprevedi l-ħolqien ta’ reati ġodda ta’ użu illegali ta’ riżorsi elettroniċi mhux uffiċjali minn uffiċjali pubbliċi u finalment Att biex jipprovdi għall-ħolqien ta’ reat ġdid kontra l-kriminalita organizzata billi jipprovdi ghall-assoċċjazzjoni kriminali ta’ bixra mafjuża.

Il-Gvern jgħid li Grech mhux qed jgħid il-verità...

Intant fi stqarrija l-Gvern sostna li l-Kap tal-Oppożizzjoni kien jaf li mhux jgħid is-sewwa meta stqarr li l-Gvern m’għamel xejn fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-inkjesta pubblika. 

"L-Uffiċċju tal-Prim Ministru kkonsulta kemm felaħ mal-entitajiet involuti, fosthom akkademiċi u ġurnalisti, kif ukoll istituzzjonijiet internazzjonali, biex ikun f’pożizzjoni li jaħtar kumitat ta’ esperti kif suġġerit mill-inkjesta pubblika nnifisha, kumitat li anke dwar il-membri tiegħu saret konsultazzjoni wiesgħa.  M’hemmx dubju li l-Kap tal-Oppożizzjoni jaf sew b’uħud minn dawn il-konsultazzjonijiet," kompla jgħid il-Gvern fl-istqarrija tiegħu. 

Il-Gvern qal ukoll li f’uħud minn dawn il-laqgħat ġew preżentati wkoll numru ta’ abbozzi ta’ liġijiet maħsuba biex jipproteġu lill-ġurnalisti. "L-Uffiċċju tal-Prim Ministru jibqa’ determinat li frott din il-konsultazzjoni issa jħabbar il-passi li jmiss fil-ġranet li ġejjin kif miftiehem fil-konsultazzjoni."

More in Politika