Mhu se jkun hemm l-ebda medjazzjoni fil-każ tal-libell li Abela fetaħ kontra Azzopardi

Jason Azzopardi kien allega li l-Ministru Carmelo Abela kien kompliċi fl-attentat ta' serqa mill-kwartieri tal-HSBC f'Ħal Qormi

Mhu se jkun hemm l-ebda medjazzjoni fil-libell li l-Ministru Carmelo Abela fetaħ kontra d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi wara li dan allega li l-Ministru kien kompliċi fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri tal-HSBC f’Ħal Qormi, fl-2010.

L-Avukat Pawlu Lia, li qed jidher għal Abela, informa lill-Maġistrat Rachel Montebello li mhu se jkun hemm l-ebda medjazzjoni u l-Ministru se jkun qed jikkontesta l-allegazzjonijiet.

L-Avukat aċċetta wkoll li s-smigħ tal-lum ikun diferit għax l-avukat ta’ Jason Azoppardi, Joe Zammit Maempel ma setax jattendi minħabba raġunijiet personali.

Fuq Facebok, Jason Azzopardi kien allega li l-Ministru kien imwiegħed €300,000 biex jipprovdi lill-ħallelin filmati u anke karti tal-aċċess. Abela qed jiċħad dawn l-akkużi.

F’dak iż-żmien, Abela kien jaħdem il-bank u kellu aċċess għat-tagħmir li bih isiru l-karti tal-aċċess li jkollhom l-impjegati. Il-Ministru kien ikkonferma dan hu stess meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra l-ħallelin, lura fl-2011, anke jekk hu ma jiftakarx li għamel dan.

Kien Vince Muscat il-Koħħu u aktar tard Alfred Degiorgio li kienu allegaw li “Ministru preżenti” kien kompliċi f’din is-serqa.

Minkejja dan, kien Jason Azzopardi li semma lil Abela b’ismu.

Intant, ilbieraħ, il-gazzetta oħt MaltaToday irrapportat li l-Pulizija qed jinvestigaw l-allegazzjonijiet li qed isiru fil-konfront ta’ Abela.

Il-każ ikompli x-xahar li ġej.

More in Politika