Carmelo Abela ma jiftakarx li kien xehed dwar is-serqa tal-HSBC u l-użu ta' tagħmir tas-sigurtà

Abela kien ikkonferma li juża tagħmir li jipproduċi karti tal-aċċess għall-uffiċċju prinċipali tal-HSBC f’Ħal Qormi

Il-Ministru Carmelo Abela kien juża tagħmir li jipproduċi karti tal-aċċess għall-uffiċċju prinċipali tal-HSBC f’Ħal Qormi. 

Dan qalu hu stess għaxar snin ilu, meta kien qed jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Darren Debono, magħruf bħala t-Tipo u Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, li kienu akkużati li wettqu din is-serqa li falliet.

Minkejja dan, il-Ministru Abela qed jisħaq li ma jiftakarx li kien xehed f’dawn il-proċeduri. Ix-xhieda tiegħu kienet ingħatat wara l-bibien magħluqa u kien hu stess li talab dan.

Meta seħħet is-serqa li falliet, fl-2010, Abela kien uffiċjal tal-bank.

Xhieda li rat MaltaToday turi kif Abela kkonferma, taħt ġurament, li għalkemm kien jieħu ħsieb l-assigurazzjoni tal-bank, jekk kien ikun hemm bżonn, kien jieħu ħsieb ukoll materji oħra, fosthom dak li għandu x’jaqsam mas-sezzjoni tas-sigurtà.

Mistoqsi speċifikament fuq dan it-tagħmir li joħloq il-cards tas-sigurtà, Abela kkonferma li kien jużah meta l-kollega tiegħu ikun fuq leave jew inkella ma jiflaħx.

Vince Muscat ingħata sentenza ta’ 15-il sena ħabs meta ammetta li qatel lil Daphne Caruana Galizia wara li sar patteġġjament. Kien hu li implika lil Abela bħala kompliċi f’din is-serqa.

Alfred Degiorgio wkoll qed jgħid li jista’ jikxef ministru li kien involut f’din is-serqa.

Abela qed jiċħad dawn l-allegazzjonijiet u saħansitra fetaħ libell lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi meta fuq Facebook għamel tiegħu dawn l-allegazzjonijiet u saħansitra qal li Abela kellu jieħdu €300,000 tal-involviment tiegħu, billi jipprovdi dawn il-karti tal-aċċess u anke filmati interni tal-bank.

Waqt il-programm Xtra, Abela saħaq li ma jafx lill-irġiel inkwistjoni u li qatt ma kien interrogat mill-Pulizija. Mistoqsi minn The Times of Malta, il-Ministru insista li ma jiftakarx li xehed f’dan il-każ.

More in Politika