'Nirriżenja u nitlaq lejn id-dar' - Il-President itenni dak li kien qal mal-ILLUM dwar l-abort

Vella saħaq li filwaqt li hu ma jistax iżomm lill-eżekuttiv milli jiddeċiedi, mill-banda l-oħra saħaq li huwa għandu l-libertà tiegħu u liġi dwar l-abort ma jiffirmahiex

Il-President ta' Malta George Vella kien skjett fit-tweġiba tiegħu lill-ġurnalisti u saħaq li kwalunkwe liġi dwar l-abort mhux lest jiffirmaha u jirriżenja.

Ftit jiem biss qabel ħa l-ġurament bħala President ta' Malta, il-gazzetta ILLUM kienet staqsiet l-istess mistoqsija lill-President u anke dakinhar insista li mhux lest jiffirma liġi li tippermetti l-abort f'Malta.

"Il-pożizzjoni tiegħi tibqa' dik li kienet qabel dħalt għall-Presidenza. Kont nitkellem ċar li jiena ma niffirma qatt abbozz ta' liġi li jinvolvi l-awtorizzazzjoni tal-qtil," qal il-President dalgħodu lill-ġurnalisti ta' Net News.

Vella saħaq li filwaqt li hu ma jistax iżomm lill-eżekuttiv milli jiddeċiedi, mill-banda l-oħra saħaq li huwa għandu l-libertà tiegħu.

 "Jekk ma naqbilx ma' abbozz nirriżenja u nitlaq lejn id-dar. Ma għandi l-ebda problema," insista l-President.

Mistoqsi jekk jistax ikun li almenu jaqbel ma' parti jew oħra tal-abbozz, il-President wieġeb hekk: "Toqtol jew ma toqtolx. Ma hemmx nofs mewt. Jekk se toqtol se toqtol. Ċara."

Il-ġimgħa li għaddiet, id-Deputata indipendenti Marlene Farrugia ppreżentat mozzjoni fil-Parlament biex titlob għad-dikriminlizzazzjoni tal-abort, biex fost oħrajn, mara li tkun wettqet abort, jew inkella tabib li jassisti t-tmiem ta' tqala, ma jispiċċawx il-ħabs.

Kemm il-Partit Laburista u anke l-Partit Nazzjonalista ħarġu kontra l-mozzjoni. L-ADPD qalet li hu favur id-dikrimininalizzazzjoni tal-abort u favur l-abort fi tliet ċirkostanzi.

X'kien qal il-President mal-ILLUM?

Fl-intervista mal-President, il-gazzetta ILLUM kienet staqsiet lill-President jekk jaħsibx li almenu l-pajjiż għandux jiddiskuti dan is-suġġett, hekk kif diversi persuni li huma kontra l-abort jisħqu li dan huwa suġġett li lanqas biss għandu jkun diskuss.

"Jiena nemmen ħafna li għandna nagħmlu kampanja edukattiva qawwija fuq is-saħħa sesswali u riproduttiva maż-żgħażagħ … Jien ma għandi xejn kontra miżuri li wieħed bihom jilqa’. Kulħadd jifhem il-problemi psikoloġiċi li jgħaddu minnhom dawk li jsibu ruħhom f’din is-sitwazzjoni. Jiena għamilt għomri kollu tabib. Naf x'jiġifieri ... Imma l-abort mhux soluzzjoni,” insista l-President.

Kien kompla jisħaq li għall-kuntrarju ta’ dak li fi kliemu jaħsbu ħafna fl-Ewropa, is-saħħa sesswali u riproduttiva ma tfissirx li wieħed għandu jkollu d-dritt li joqtol tarbija.

“L-abort huwa purament qtil … jekk se tillegalizza l-abort qed tillegalizza l-qtil … Iżda biex teduka trid tiddibatti,” tenna l-President. "Jekk żagħżugħ se tgħidlu tidħolx f'dik il-kamra. L-ewwel li se jistaqsik huwa għalxiex, awtomatikament għax aħna razzjonali. Imma jekk jiena nispjegalu li f'dik il-kamra hemm travu msewwes u hemm ċans li jaqa' fuqu, hu stess se jirraġuna li ma għandux jidħol."

Isma' hawn x'kien qal il-President mal-ILLUM...

More in Politika