Il-PL ma jaqbilx mal-mozzjoni ta' Marlene... 'l-PM diġà esprima ruħu kontra l-legalizzazzjoni tal-abort'

Il-Mozzjoni ta' Marlene Farrugia probabbilment issa se tieqaf hemm, hekk kif tibqa' ma titlax fuq l-aġenda Parlamentari...

Il-PM Robert Abela jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet - Ritratt ta' Mediatoday
Il-PM Robert Abela jindirizza Konferenza tal-Aħbarijiet - Ritratt ta' Mediatoday

Wara li ltaqa' l-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista llum fi stqarrija kien imfakkar li l-pożizzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela diġà kienet espressa b'mod ċar, jiġifieri li huwa kontra l-legalizzazzjoni tal-abort. Fil-fatt ftit wara li kien inħatar Prim Ministru Robert Abela kien qal illi jekk l-eks Mexxej Laburista Joseph Muscat jikkampanja favur l-abort se jsib lilu kontrih. 

L-istess stqarrija tikkritika u turi nuqqas ta' qbil mal-mozzjoni tad-Deputat Marlene Farrugia u tgħid li "d-diskussjoni fuq suġġett sensittiv bħall-abort issir mis-soċjetà b’mod matur u liberu, u mhux tinħonoq b'mozzjoni bhal din."  Id-Diskussjoni li hemm bżonn issir m'għandhiex tiġi "monopolizzata mill-partiti politici fil-Parlament, u tkun mibnija fuq l-onestà u r-rispett lejn fehmiet differenti, bla sensazzjonaliżmu jew kundanni u kontra l-istigma," qal il-Partit Laburista.

Dan ifisser allura li l-mozzjoni ta' Farrugia mhijiex se tkun diskussa fil-Parlament - hekk kif kemm l-Gvern u l-Oppożizzjoni esprimew ruħhom kontriha.  Huma l-Gvern u l-Oppożizzjoni li jiltaqgħu fil-Kumitat tax-Xogħol tal-Kamra li jiddeċiedu l-aġenda Parlamentari, bl-Oppożizzjoni jkollha ħin allokat għal abozzi u l-aġenda li tixtieq tressaq hi.  Jidher li ċ-ċans huwa remot ħafna li l-Oppożizzjoni tressaq l-abbozz ta' Farrugia, ladarba il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech esprima ruħu kontra ftit wara li l-istess Farrugia ressqet il-mozzjoni.

Minkejja dan l-istqarrija ma tiċċarax eżatt jekk il-Partit Laburista huwiex kontra d-dikriminalizzazzjoni wkoll tal-abort. 

Iżda l-istess stqarrija tħalli ftit ta' bieb imbexxaq għal diskussjoni fil-futur meta tgħid li l-PM Abela xorta waħda jemmen "li għandu jsegwi bir-reqqa dak li jkun qed jingħad fid-diskussjoni mis-socjetà."

 

 

More in Politika