L-ADPD favur id-dikrimininalizzazzjoni tal-abort u favur l-abort fi tliet ċirkostanzi

L-ADPD qed tisħaq li l-abort għandu jkun aċessibbli lil nisa li jkollhom ħajjithom ipperikolata mit-tqala, meta t-tqala tkun riżultat ta' abbuż u vjolenza u f'każ ta' tqala 'li mhijiex vijabbli' 

Il-Partit ADPD approva riżoluzzjoni biex jappoġja d-dikriminalizzazzjoni tal-Abort, permezz ta' mozzjoni ppreżentata mid-Deputat Marlene Farrugia din il-ġimgħa.  

Is-sit maltatoday.com.mt irrapporta kif il-Kumitat Eżekuttiv tal-ADPD qed jappoġġja dan il-pass, fid-dawl tal-fatt li l-liġi Maltija għadha tpoġġi mara li tagħmel abort fir-riskju ta' tliet snin ħabs.  Filwaqt li r-riżoluzzjoni tal-ADPD tisħaq li l-abort "m'għandux ikun normalizzat, xorta għandu jkun limitat għal ċirkostanzi speċifiċi u straordinarji."

It-tliet ċirkostanzi illi fihom l-ADPD tħoss li l-abort huwa ġustifikat huma:  Meta l-ħajja ta' mara tqila tkun ipperikolata, meta t-tqala tkun riżultat ta' vjolenza u abbuż - bħal inċest u stupru - u meta mara tkun iffaċċjata bi tqala li mhijiex vijabbli. 

"Il-leġiżlazzjoni Maltija fuq l-abort mhix xierqa u hemm bżonn li tiġi riformata wara aktar minn 160 sena.  Hemm bżonn li tiġi aġġornata mal-progress mediku u xjentifiku ta' matul is-snin," tgħid ir-riżoluzzjoni. 

Din ir-riżoluzzjoni allura ttemm 30 sena illi matulhom l-Alternattiva Demokratika dejjem kellha pożizzjoni kontra l-abort, kuntrarjament għal partiti Ħodor madwar l-Unjoni Ewropea.  "Hija riżultat ta' dibattitu intern li ilu għaddej tliet snin," qal Carmel Cacopardo. Huwa sostna li hemm bżonn urġenti "għal aktar emfasi fuq edukazzjoni riproduttiva u sesswali f'kull livell ta' strutturi edukattivi. "

Arnold Cassola kien irreżenja mill-AD propju fuq din il-kwistjoni, wara li l-kandidat tal-AD għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew esprimiet ruħha favur diskussjoni dwar l-abort. 

Intant jidher li l-mozzjoni ta' Marlene Farrugia se jkollha ħajja qasira ħafna, hekk kif kemm il-Partit Nazzjonalista u anke l-Partit Laburista ma qablux magħha u allura ftit hemm ċans li tmur fuq l-aġenda tal-Parlament.  Filwaqt li l-PN - permezz tal-Kap Bernard Grech - sostna li l-PN huwa kontra l-abort, il-Partit Laburista fakkar li l-pożizzjoni tal-PM dejjem kienet ċara, kontra l-abort.  Minkejja dan il-Partit Laburista qal li l-Prim Ministru se jkompli jsegwi d-diskussjoni lilhinn mill-mozzjoni ta' Farrugia li qal illi toħnoq dan l-istess dibattitu. 

 

More in Politika