Marlene Farrugia tipproponi li jiġi dikriminalizzat l-abort permezz ta' mozzjoni fil-Parlament

Farrugia, Deputat indipendenti, qed tipproponi li l-assistenza medika biex isir abort ma jibqax kriminalizzat, jiġifieri tabib ma jiffaċċjax sentenza ta' ħabs jekk jgħin biex isir abort

Marlene Farrugia
Marlene Farrugia

Id-Deputat indipendenti Marlene Farrugia qed tipproponi, permezz ta' mozzjoni fil-Parlament, li jiġi dikriminalizzat l-abort. 

Din il-mozzjoni, mhux mistennija, hija l-ewwel waħda f'din id-direzzjoni u l-akbar pass li qatt ittieħed minn Deputat fuq din il-kwistjoni tant kontroversjali.  F'dak li qed tipproponi Farrugia, hi qed issostni li l-ebda tabib jew professjonist m'għandu jiffaċċja proċeduri kriminali għall-assistenza medika lil persuna li tixtieq tagħmel l-abort. 

Hi qed tipporponi wkoll li jitneħħa Artiklu 241(1) tal-Kodiċi Kriminali, li tagħmilha illegali li persuna tiffaċilità it-tmiem ta' tqala u li sal-lum tista' tfisser tliet snin priġunerija għal mara. 

Il-mozzjoni ta' Farrugia qed titlob ukoll li Artiklu 242, li jżomm persuna li tassisti abort responsabbli u miftuħa għal piena ta' qtil jew li kkawżat ġrieħi fuq ħaddieħor, jitneħħa. Il-mozzjoni qed titlob ukoll li Artiklu 242 u 243(a) ikunu sostitwiti b'10 snin priġunerija kontra xi ħadd li jkun wettaq abort kontra r-rieda tal-persuna, "b'mezzi vjolenti, b'forza, qerq jew thedid."

Skont sondaġġ xjentifiku ippubblikat fuq il-gazzetta ILLUM fi Frar tas-sena l-oħra, 85% tal-poplu jibqa' kontra leġiżlazzjoni li tippermetti l-abort

Farrugia, eks Deputat Laburista kienet tmexxi lill-Partit Demokratiku, li waqqfet hi stess u li llum jifforma parti mill-koalizzjoni ADPD.  Fl-aħħar elezzjoni iżda hi għamlet koalizzjoni mal-Partit Nazzjonalista u kienet fil-lista ta' kandidati tal-PN, wara li isem il-kandidati tal-PD ma setax ikun taħt l-arma tal-PD fuq il-vot. 

F'intervista esklussiva mal-illum.com.mt - l-ewwel bħala President tar-Repubblika - George Vella kien għamilha ċara li jekk tiġi liġi quddiemu li tillegalizza l-abort, hu ma jiffirmahiex u jirriżenja. 

Il-Prim Ministru Robert Abela wkoll, ftit wara li inħatar Prim Ministru kien qal illi jekk l-eks PM Joseph Muscat se jaħdem biex jiddaħħal l-abort, se jsib lilu jaħdem kontrih

More in Politika