Il-GTA tilqa' l-impenn tal-Gvern biex ikompli jsostni n-negozji u l-impjegati tagħhom

GTA fakkret li s-settur turistiku kollu f'Għawdex għadu qed isofri l-impatt ta' din il-pandemija

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu tirrikonoxxi l-impenn tal-Gvern biex ikompli jsostni n-negozji Għawdxin u l-impjegati tagħhom. 

Fi stqarrija, l-Assoċjazzjoni saħqet li "l-iskemi mħabbra mill-Prim Ministru Robert Abela u l-Ministru għall-Enerġija, l-Intrapriża, u l-Iżvilupp Sostenibbli Miriam Dalli, se jappoġġjaw aktar l-irkupru u l-bidu mill-ġdid tan-negozji fil-Gżejjer Maltin u partikolarment dawk fis-settur turistiku."

Insistiet ukoll li dawn l-iskemi ta' appoġġ se jinkoraġġixxu u jassistu aktar setturi tan-negozju differenti mhux biss fl-isforzi ta' rkupru tagħhom, iżda wkoll biex jippjanaw bil-quddiem fix-xhur kruċjali li ġejjin.

Intant l-Assoċazzjoni tinnota li waqt il-konsultazzjoni ma’ uffiċjali mill-Ministeru għall-Enerġija Intrapriża u Żvilupp Sostenibbli u l-Malta Enterprise, il-limitazzjonijiet tal-gżira Għawdxija ġew diskussi fit-tul u dawn l-iskemi jinkludu żidiet għal investiment speċifiku f’Għawdex.

Permezz ta' din l-istqarrija, GTA tosserva ukoll li s-setturi tal-ekonomija diġitali u dik ekoloġika huma enfasizzati f’dawn l-iskemi, liema setturi l-Assoċjazzjoni tqis bħala l-opportunitajiet perfetti biex tiddiversifika l-ekonomija Għawdxija.

Fl-aħħarnett, GTA fakkret li, "is-settur turistiku kollu f'Għawdex għadu qed isofri l-impatt ta' din il-pandemija, u d-diversi miżuri restrittivi introdotti minn żmien għal żmien, u b'hekk l-iskemi tal-kera u s-sussidji fuq il-kontijiet tad-dawl se jgħinu biex itaffu t-telf finanzjarju tat-turiżmu Għawdxi."

Ara ukoll:

'Il-miżuri li ħabbar il-Gvern se jagħtu assistenza tant meħtieġa lin-negozji' - Il-Kamra tal-SMEs

'L-għajnuna mħabbra llum hi biss farka tad-daqqa li sofrew in-negozju' - De Marco

 

 

 

More in Politika