Roħs sa' 50% fil-kontijiet lin-negozji u għotja ta' €1,000 lil dawk li mhux se jiftħu fl-10 ta' Mejju

Il-PM Robert Abela u l-Ministru Miriam Dalli jħabbru sensiela ta' inizzjattivi u skemi ġodda ta' għajnuna lin-negozji għax-xhur li ġejjin

Il-PM Abela u l-Ministru Dalli jindirizzaw il-konferenza
Il-PM Abela u l-Ministru Dalli jindirizzaw il-konferenza

Il-Prim Ministru Robert Abela dalgħodu ħabbar diversi miżuri ġodda ta' għajnuna lil diversi negozji - li flimkien jammontaw għal €20 miljun filwaqt li krediti ta' taxxa se jiġu estiżi lil diversi negozji.  Fost dawn l-inċentivi l-ġodda hemm, mill-ġdid, għotja lil dawk in-negozji li wara l-10 ta' Mejju se jibqgħu magħluqin.

Miegħu tindirizza l-Konferenza kien hemm il-Ministru Miriam Dalli li tat dettalji tal-inċentivi li se jkun qed jagħti l-Gvern.  Hija qalet illi qed tingħata għajnuna diretta u għajnuna oħra għat-tul, it-tnejn biex jassiguraw is-sostenibbilità tan-negozji.  Isegwu virtwalment kien hemm l-imsieħba soċjali.  L-iskemi u inizzjattivi li ħabbar il-Gvern huma:

 - Għajnuna estiża għal ħlas tal-kirjiet u kontijiet tad-dawl u l-ilma għan-negozji.  L-iskema ta' għajnuna tal-kirjiet se tiġi estiża b'50% oħra u se tapplika għal dawk kollha li jirċievu s-suppliment tal-paga.  Dan apparti għajnuna estiża, sa massimu ta' 50%, fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma għal Ġunju, Lulju u Awwissu.

 - €1,000 lil kull negozju li se jibqgħu magħluqin wara l-10 ta' Mejju - li jinkludu bars, każini u diskoteki.  Din hija t-tieni darba li l-Gvern qed jagħti għotjiet simili lil negozji milquta.

 - Għajnuna lil dawk li jtejbu n-negozji tagħhom biex jiddiversifikaw  jadottaw prattiċi aktar sostenibbli, b'operat aktar nadif - Għajnuna sa' massimu ta' €10,000 lil dawk li jimplimentaw pariri ta' konsulenza mogħtija fl-iskema Change to Grow

 - Skema għal dawk li kellhom jgħalqu jew raw telf kbir ħafna - Sa €5,000 f'għajnuna ta' kosulenza, li jista' jitla' għal €10,000 għall-għajnuna fil-proċess ta' implimentazzjoni

 - Għajnuna psikoloġika u professjonali lil dawk li jkunu tilfu negozji tagħhom u jixtiequ għajnuna f'dan iż-żmien diffiċli

 -  8,800 kumpanija se jkollhom il-krediti tat-taxxa estiżi bi tliet snin, f'benefiċċju totali ta' €80 miljun

"Aħna mhu se nħallu lil ħadd waħdu," qal il-Prim Ministru Abela waqt il-konferenza, waqt li fakkar li l-inizzjattivi tal-lum jingħaqdu ma' diversi skemi u għajnuniet li diġà qed jagħti l-Gvern - fosthom €455 miljun f'Wage Supplements - biex b'hekk in-negozji jibqgħu jħaddmu lin-nies - minflok ikeċċu lill-ħaddiema."  Huwa qal li kien grazzi għall-miżuri li tbassir ikrah ta' qgħad kbir kien evitat.

 "Malta hija l-unika pajjiż li fih l-impjiegi żdiedu, mhux naqsu f'nofs pandemija," sostna Abela.  "Investejna fin-nies minflok adottajna miżuri ta' awsterità.  L-għan tagħna huwa li n-negozji jiftħu u jaħdmu.  Se nkomplu inlaqqmu lin-nies b'rata li hija l-aqwa fl-UE - biex ikollna nies li jibqgħu jaħdmu u li jgawdu matul is-sajf, sajf ta' xogħol," temm jgħid il-PM Abela. 

More in Politika