It-tobba tas-Saħħa Pubblika jisħqu kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv

Tinsisti li jekk l-intenzjoni tal-Gvern hija li jillegalizza l-kannabis għall-użu personali, allura għandu jiffoka aktar fuq il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u l-kura

L-Assoċjazzjoni Maltija għall-Mediċina tas-Saħħa Pubblika (MAPHM) qalet li tappoġġja l-istqarrijiet li saru minn Caritas Malta, il-Fondazzjoni Oasi, Sedqa u l-Assoċjazzjoni tal-Psikjatri u insistiet li hi tibqa’ kontra l-legalizzazzjoni tal-kannabis għall-użu rikreattiv.

Fi stqarrija, il-MAPHM insistiet li l-pożizzjoni tagħha hija bbażata fuq ir-riċerka xjentifika.

Il-MAPHM insistiet li jekk l-intenzjoni tal-Gvern hija li jillegalizza l-użu rikreattiv tal-kannabis, allura l-Gvern għandu jiffoka aktar fuq il-prevenzjoni, l-edukazzjoni u l-kura.

Saħqet li għandu jkun hawn ukoll qafas legali b’saħħtu li jassigura s-sigurtà u l-protezzjoni pubblika.

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jkun qed jippreżenta White Paper jew abbozz ta’ liġi fejn mistenni jipproponi l-użu responsabbli tal-kannabis u l-eliminazzjoni tal-arrest fil-każ ta’ pussess għall-użu personali.

Id-diskussjoni qamet meta koppja żagħżugħa ġew arrestati f’kamra f’lukanda wara li nqabdu jpejpu joint.

Diversi personalitajiet u politiċi, fosthom il-Ministru Byron Camilleri, il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola u anke d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, Daniel Micallef, saħqu li ma jagħmilx sens li persuna tiġi arrestata fuq joint.

More in Politika