'Ħa nibqgħu ngħaddu n-nies li jpejpu joint minn kalvarju?'; Arrest ta' koppja jqajjem diskussjoni

Byron Camilleri, Roberta Metsola u Daniel Micallef jgħidu tagħhom wara l-arrest ta' żewġ żgħażagħ li nqabdu jpejpu joint f'lukanda

Wara li lbieraħ sar magħruf li koppja ġiet arrestata wara li nqabdet tpejjep il-kannabis f’kamra f’lukanda, qamet diskussjoni sħiħa dwar il-bżonn li l-liġi tkun emendata biex ikunu evitati arresti simili.

Fost dawk li kiteb dwar dan kien hemm il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà Nazzjonali u l-Infurzar tal-Liġi Byron Camilleri, li saħaq li jrid jara lill-Pulizija taġixxi fl-ispirtu tal-bidliet leġiżlattivi li saru fl-aħħar snin.

Fl-aħħar sigħat jien ukoll kelli numru ta’ mistoqsijiet dwar il-każ taż-żewġ żgħażagħ li kienu arrestati f’lukanda...

Posted by Byron Camilleri on Monday, 15 February 2021

“Iktar minn hekk jien fost dawk li nemmen u se naħdem biex bħala leġiżlaturi nibdlu iktar, anke b’mod li każi bħal dawn lanqas ikun possibbli li jiġru,” insista l-Ministru. "Minn naħa l-oħra mhux se nħalli min juża każ bħal dan biex ixekkel xogħol il-pulizija li għandha obbligu tinvestiga rapporti li jiġu quddiema.”

Faħħar il-ħidma tal-Pulizija u insista li qabdiet oħra, għalkemm żgħar, jagħmlu differenza kbira.

“Qed nirreferi għal qabdiet bħal dawk li kien hemm il-Marsa fl-aħħar sigħat fejn qed inkunu pro-attivi biex inneħħu mill-qalba tal-komunità, il-ġonna u postijiet pubbliċi, in-negozju ta’ sustanzi llegali,” insista l-Ministru.

L-ewwel ma kitbet dwar dan kienet il-Viċi President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola li fuq Twitter staqsiet jekk il-pajjiż hux se jibqa’ jarresta żgħażagħ sempliċiment għax ipejpu joint.

“Kieku mmorru wara l-korrotti bl-istess fervur, kieku forsi pajjiżna jerġa’ jibda miexi ‘l quddiem,” kitbet l-MEP.

Bhal hafna segwejt l-ahbar li fost xoghol iehor li sar fejn jidhol il-qasam tad-droga, giet arrestata koppja fuq pussess...

Posted by Daniel Micallef on Monday, 15 February 2021

Kiteb ukoll id-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Daniel Micallef li insista kif minkejja avvanzi li saru f’dan il-qasam, il-pajjiż għadu lura.

“Ha nibqgħu ngħaddu n-nies li jpejpu joint minn kalvarju? Għaliex? X'qed nieħdu minnha? Ħa nibqgħu nqisu l-ħaxixa fuq l-istess livell ta' drogi oħra meta nafu li mhux il-każ? Nemmen li hemm bżonn ħafna aktar riformi f'dan is-settur,” insista Micallef.

Insista kif minkejja li l-ħaxixa hija llegali hija użata minn eluf ta’ persuni u mhux illum biss. “Hawn nies meqjusa anzjani llum, li huma users,” insista.

“Ħa nibqgħu nħallu lil min jixtieq ipejjep joint għal kwiet jiddependi fuq it-traffikanti fit-toroq? Ħa nibqgħu nħallu l-prodott mhux kontrollat bir-riskju li l-user jingħata l-imbarazz? Ħa nibqgħu nghattu x-xemx bl-għarbiel?” staqsa Micallef.

Il-Partit Laburista kien wieħed li jillegalizza l-użu tal-kannabis rikreattiva.

Fi Frar tal-2019, sondaġġ ta’ din il-kamra tal-aħbarijiet kien wera li 32,000 persuna ġieli pejpu l-kannabis, imma persuna minn kull ħamsa biss taqbel li tkun legalizzata.

More in Politika