Filmat | Rigal għall-Milied? Malta jista' jkollha l-vaċċin kontra l-Covid-19 qabel l-aħħar tal-2020

Dan hekk kif l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ħabbret li se tkun qed tiltaqa' nhar it-Tnejn li ġej biex tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni għall-użu tal-vaċċin ta' Pfizer

L-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini ħabbret li se tkun qed tiltaqa' nhar it-Tnejn li ġej biex tiddeċiedi dwar l-approvazzjoni għall-użu tal-vaċċin ta' Pfizer u BioNTech fil-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea.

Oriġinarjament, l-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini kellha tiddeċiedi dwar il-vaċċin fid-29 ta' Diċembru. Dan ifisser li hemm possibbilità kbira li sal-aħħar tal-2020, l-ewwel Ewropej, inkluż Maltin, jibdew jitlaqqmu kontra l-Covid-19.

Fl-ewwel kummenti tiegħu, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne saħaq li Malta kienet fost il-pajjiżi li ħeġġet lill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini biex fi kliemu, "dak li tista' tagħmel f'siegħa ma tagħmlux f'sagħtejn," filwaqt li żżomm l-istess livell ta' skrutinju.

Ikkonferma li l-vot tal-Kummissjoni Ewropea dwar din l-approvazzjoni jkun qed jittieħed ġimgħa qabel previst, li jfisser li l-vaċċin jista' jibda jasal bejn l-aħħar ġranet tal-2020 u l-ewwel ġranet tas-sena l-ġdida.

Jiem ilu, meta kien qed jindirizza l-Parlament, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne kien qal li Malta se tirċievi l-vaċċin mal-bqija tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea hekk kif kienet il-Kummissjoni Ewropea li b'mod kollettiv laħqet ftehim ma' Pfizer u BioNTech u anke ma' kumpaniji oħra, inkluż Moderna u AstraZeneca li l-vaċċin tagħhom ukoll jinsab fi stadju avvanzat.

Malta għandna allokati 500,000 doża tal-vaċċin ta' Pfizer, jiġifieri biżżejjed biex jitlaqqmu 250,000 persuna. 

"Kull ġurnata tgħodd," kitbet il-President tal-Kummissjoni Ewropea Usola von der Leyen li faħħret din id-deċiżjoni.

L-ewwel persuni li se jitlaqqmu f'Malta se jkunu l-frontliners kollha, inkluż it-tobba, l-infermiera u l-ispiżjara, l-anzjani li għandhom 'il fuq minn 85 sena u anke dawk residenti fi djar tal-anzjani.

Wara jkun imiss anzjani oħra li wkoll għandhom viċin it-80 sena, frontliners oħra fosthom il-Pulizija, l-għalliema u anke l-persuni li jbatu minn mard kroniku.

L-istess vaċċin diġà ġie approvat u beda jingħata fir-Renju Unit u fl-Istati Uniti.

Aqra wkoll:

More in Politika