Kull persuna se tirċievi ittra bid-data, il-ħin u l-post fejn se tieħu l-vaċċin kontra l-Covid-19

Il-Ministru Chris Fearne jisħaq li l-indikazzjonijiet huma li l-vaċċin se jkun qed jasal f’Malta fl-ewwel ġimgħat tal-2021 

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt intervista fuq l-istazzjon tal-Partit Laburista, qal li meta jasal il-vaċċin, kull persuna se tirċievi ittra bid-dettalji ta’ meta, x’ħin u fejn se tkun qed jieħdu l-vaċċin.

Fearne saħaq li hekk ħadd mhu se jkollu joqgħod fi kju. 

Fl-istess ittra, se jkun hemm imniżżla wkoll id-data ta’ meta trid tittieħed it-tieni doża tal-vaċċin, hekk kif il-vaċċin kontra l-Covid-19 jrid jittieħed darbtejn.

Huwa kkonferma wkoll li mill-ewwel indikazzjonijiet jirriżulta li l-vaċċin se jkun qed jasal f’Malta fl-ewwel ġimgħat tal-2021.

Spjega kif l-ewwel konsenja li se tasal f’Malta se tkun biżżejjed għall-frontliners. Fil-fatt, il-prijorità se tingħata lit-tobba, lill-infermiera, lill-ispiżjara u lill-Pulizija etċ. Anzjani li għandhom 'il fuq minn 80 sena wkoll se jkunu minn tal-ewwel li se jieħdu l-vaċċin.

Il-konsenji se jkunu qed jaslu fil-pajjiż kull ġimgħa. It-tir huwa li fl-ewwel nofs tas-sena, kulħadd ikun tlaqqam. 

Ikkonferma wkoll li l-ftehim tal-Kummissjoni Ewropea mal-kumpaniji Pfizer u BioNTech jfisser li Malta se jkollha żgur 500,000 doża tal-vaċċin. Dan apparti li hemm ftehim ma’ diversi kumpaniji oħra bil-għan li jkun hawn biżżejjed dożi għal kulħadd u anke aktar. "Dik hija problema pożittiva," insista l-Ministru.

Fil-fatt, il-vaċċin tal-kumpaniji Pfizer u BioNTech jinsab fi stadju l-aktar avvanzat tant li bħalissa qed issir l-evalwazzjoni mill-Aġenzija Ewropea tal-Mediċina li mistenni jkun konkluż sal-aħħar ta' Diċembru.

Aqra wkoll: ‘Il-Ministeru diġà għandu ppjanat il-ħażna għall-vaċċin.’

More in Politika