‘Il-Ministeru diġà għandu ppjanat il-ħażna għall-vaċċin’

Mal-ILLUM, il-Ministeru saħaq li tħejjew faċilitajiet ta’ cold rooms li fihom jkunu jistgħu jitpoġġew konsenji tal-vaċċin

Il-Ministeru għas-Saħħa saħaq mal-ILLUM li diġà għandu ppjanat il-ħażna tat-tilqima kontra l-Covid-19. 

Il-gazzetta ILLUM staqsiet lill-Ministeru għas-Saħħa jekk Malta hijiex imħejjija biżżejjed għall-ħażna tal-vaċċin, hekk kif din mhijiex xi ħaġa sempliċi, partikolarment fil-każ tal-vaċċin tal-kumpanija Pfizer.

Fil-fatt, il-vaċċin ta’ Pfizer irid jinżamm f’temperatura ta’ 75 gradi Celsius taħt iż-żero sakemm ikun ittrasportat mill-faċilità għall-pazjent. Għalhekk pajjiż irid ikollu l-infrastruttura neċessarja biex ikun jista’ jaħżen il-vaċċin.

Mill-banda l-oħra, il-vaċċin tal-kumpanija Moderna, jista’ jinżamm f’temperatura ta’ 20 grad taħt iż-żero, għal sitt xhur.

Dejjem skont l-informazzjoni li qed jagħtu l-kumpaniji, il-vaċċin ta’ Moderna jista’ jinżamm sa 30 ġurnata fi friġġ, vantaġġ ieħor favur dan il-vaċċin. Mill-banda l-oħra, dak ta’ Pfizer jista’ jagħmel biss ħamest ijiem.

Madankollu, mal-ILLUM, il-Ministeru saħaq li tħejjew faċilitajiet ta’ cold rooms li fihom jkunu jistgħu jitpoġġew konsenji tal-vaċċin.

Fl-aħħar jiem, id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, saħaq li Malta mistenni tibda tirċievi l-vaċċin tal-Covid-19 f’temp ta’ ftit jiem minn meta jitpoġġa fis-suq.

Fil-fatt l-Unjoni Ewropea ffirmat kuntratt ma’ Pfizer u BioNTech għal 300 miljun doża tal-vaċċin. 

L-Unjoni Ewropea għandha wkoll ftehim ma’ ħames kumpaniji oħra, fosthom Moderna.

Malli l-vaċċin jasal f’pajjiżna, se tkun qed tingħata prijorità lill-ħaddiema tas-saħħa, lill-anzjani u lill-persuni l-oħra meqjusa l-aktar vulnerabbli għall-virus

More in Politika