'Anke l-ogħla organu tal-PN bagħat messaġġ lil Delia ... nappellawlu biex ma jinjorahx'

Chris Said insista li Delia llejla kellu jirriżenja u jħalli l-elezzjoni tal-Kap issir mingħajr ma jikkontesta

"Issa anke l-ogħla organu tal-PN bagħat messaġġ lil Delia ... nappellawlu biex ma jinjorax ukoll dan il-messaġġ." Hekk saħaq id-Deputat Nazzjonalista Chris Said waqt konferenza tal-aħbarijiet wara l-vot tal-Kunsill Ġenerali, akkumpanjat mid-Deputat Karol Aquilina u l-Avukat Joseph Grech, li jirrappreżentaw lil dawk li kienu qed jinsistu li ssir elezzjoni għall-Kap.

Chris Said insista li llum il-Partit Nazzjonalista huwa aktar b'saħħtu mill-bieraħ u fi kliemu dan se jkun vot li jtemm darba għal dejjem 'il-perjodu diffiċli li l-PN għaddej minnu" waqt li tenna li fl-aħħar jiem inħass entużjażmu ġdid fil-Partit.

Fakkar li issa se jkun qed jiskatta proċess biex il-PN ikun jista' jibda triq ġdida biex "ikollu Kap ġdid."

"Illum rebaħ kull min għandu għal qalbu l-PN. Issa d-deċiżjoni ttieħdet," insista Said. "Irridu nħarsu 'l quddiem, biex persuni validi u ta' stoffa jikkunsidraw li jikkontestaw."

Mistoqsi dwar l-islogan li Delia ħabbar illejla stess għat-tellieqa tal-Kap, "Mod ġdid b'nies ġodda," Said saħaq li dan huwa slogan difiżiv li jirrifletti t-tmexxija ta' Delia.

Dwar jekk Delia hux se jitħalla jipparteċipa fil-Grupp Parlamentari jekk jitlef l-elezzjoni, Said saħaq li "anke jekk mhux in-nies eleġġewh," is-siġġu huwa tiegħu u għalhekk Delia jkollu kull dritt jibqa' jaħdem.

Madanakollu insista li Delia, ġaladarba tilef anke l-appoġġ tal-għola organu, illejla kellu jirriżenja u jħalli l-elezzjoni tal-Kap issir mingħajr ma jikkontesta. Saħaq li kien il-Kap Nazzjonalista stess li rabat il-vot tal-lejla ma' vot ta' fiduċja fih innifsu.

 

More in Politika