Aġġornata: Delia sfiduċjat għal darb' oħra; Il-Kunsilliera jagħżlu li ssir elezzjoni għall-Kap

Kienu 839 li vvutaw favur elezzjoni għall-Kap, filwaqt li 659 vvutaw favur li t-tesserati jivvutaw f'vot ta' fiduċja f'Adrian Delia

Il-Kunsilliera tal-Partit Nazzjonalista vvutaw biex it-tesserati jivvutaw f'elezzjoni għall-Kap, f'dak li qed jitqies bħala t-tielet vot ta' sfiduċja f'Adrian Delia.

Fil-fatt, il-Kunsilliera quddiemhom kellhom żewġ għażliet, jiġifieri jekk it-tesserati tal-PN kellhomx jivvutaw f'elezzjoni għall-Kap jew inkella f'vot ta' fiduċja f'Adrian Delia.

B'kollox ivvutaw 93% tal-Kunsilliera, jiġifieri 1,509. Kienu 839 li vvutaw favur elezzjoni għall-Kap, filwaqt li 659 vvutaw favur li t-tesserati jivvutaw f'vot ta' fiduċja f'Adrian Delia.

Issa jrid jiskatta proċess pjuttost twil (li dwaru tista' taqra għada fuq il-gazzetta ILLUM) li jista' se jieħu ġimgħat. Wara li l-Kummissjoni Elettorali tilqa' l-applikazzjonijiet, il-Kummissjoni Kandidati tkun trid tibda proċess ta' verifika dwar kull kandidat. Adrian Delia diġà ddikjara li se jkun qed jikkontesta.

Wara l-istatut tal-Partit Nazzjonalista jgħid hekk:

  • F’każ li jkun hemm aktar minn żewġ kandidati, il-Kummissjoni għandha torganizza votazzjoni sigrieta fost il-membri tal-Kunsill Ġenerali fl-ewwel tmiem il-ġimgħa wara ħmistax-il ġurnata mill-għeluq tan-nominazzjonijiet; b’dana illi l-Kummissjoni għandha barra din il-votazzjoni torganizza votazzjoni oħra aktar kmieni għal dawk il-membri li għal xi raġuni jagħżlu li jivvutaw aktar kmieni.

  • Fi tmiem il-ġimgħa ħmistax-il jum wara l-votazzjoni msemmija fis-subparagrafu preċedenti, il-Kummissjoni għandha torganizza votazzjoni fost it-tesserati tal- partit imlaqqgħa apposta f’Konvenzjoni Ġenerali biex dawn jagħżlu l-Kap tal- Partit minn fost iż-żewġ kandidati li jkunu ġabu l-akbar ammont ta’ voti f’dik il-votazzjoni. Il-Kummissjoni għandha barra din il-votazzjoni torganizza votazzjoni oħra aktar kmieni għal dawk il-membri li għal xi raġuni jagħżlu li jivvutaw aktar kmieni.

Kif wasalna sa hawn?

Il-Partit Nazzjonalista għandu quddiemu din l-għażla wara li l-Kap Adrian Delia tilef żewġ voti ta' sfiduċja, wieħed fil-Grupp Parlamentari u ieħor fl-Eżekuttiv tal-Partit Nazzjonalista.

Dan wara diversi sondaġġi li wrew li Delia mhuwiex fdat mill-maġġoranza assoluta tal-elettorat iżda primarjament wara li ġew ippubblikati allegatament chats bejn Yorgen Fenech (is-sid tal-kumpanija 17 Black u l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia) u Adrian Delia.

X'nafu dwar 17 Black?

17 Black hija kumpanija f'Dubaj, deskritta bħala 'tagret client' tal-kumpaniji Tillgate u Hearnville li huma kumpaniji fil-Panama tal-eks Ministru Konrad Mizzi u l-eks Chief of Staff ta' Kastilja Keith Schembri.

Kien f’Diċembru tal-2015 meta Nexia BT ipprovat tiftaħ kontijiet bankarji fil-Bahamas għal Tillgate u Hearnville​. F'dawn il-kontijiet kellhom jidħlu $2 miljun f’sena u dan huwa mniżżel iswed fuq l-abjad f'email iffirmata minn Carl Cini ta' Nexia BT 

​Dawn il-flus kellhom jaslu mingħand il-kumpaniji 17 Black u Macbridge. Ftit xhur qabel, 17 Black irċeviet $1.6 miljun, $200,000 mingħand l-aġent lokali tat-tanker tal-LNG u $1.4 miljun mingħand il-kumpanija Mayor Trans li s-sid tagħha hu mill-Ażerbajġan

Fl-aħħar ġimgħat ġie żvelat ukoll kif il-kumpanija 17 Black għamlet profitt ta’  €4.6 miljun  mix-xiri tal-wind farm fil-Montenegro mill-Enemalta

Skont investigazzjoni li saret minn Reuters u The Times of Malta, €3 miljuni kienu trasferiti minn 17 Black għal għand il-kumpanija Cidifex. Il-kumpanija Cidifex kienet xtrat il-windfarm mingħand Fersa Renovables - Konsorzju Spanjol  - għal €2.9 miljun. 

Ġimgħatejn wara, Cifidex biegħet l-ishma tal-wind farm bi prezz ta' €10.3 miljuni lill-Enemalta, jiġifieri €7.4 miljuni aktar minn kemm kienet xtrathom hi.

Ftit wara li l-Enemalta xtrat il-wind farm mingħand Cifidex, din tal-aħħar għaddiet €7.4 miljuni lill-kumpanija 17 Black, jiġifieri t-€3 miljuni li kienu għaddew qabel u profitt ta’ madwar €4.6 miljun.

Adrian Delia u Soho

Adrian Delia sar Kap tal-Partit Nazzjonalista bejn wieħed u ieħor tliet snin ilu, tliet snin li fihom ftit li xejn kellu ħajja faċli. L-ewwel daqqa tagħtilu Caruana Galizia qabel l-elezzjoni għall-Kap.

Kien fl-eqqel tal-kampanja meta Daphne Caruana Galizia ppubblikat storja u fiha spjegat kif madwar £1 miljun fi flus mill-prostituzzjoni f’Soho, Londra, kienu għaddew mill-kont ta’ Adrian Delia f’kont tal-Bank f’Barclays f’Jersey. 

Delia dejjem ċaħad li kien involut f’xi attività kriminali u insista li hu kien biss l-avukat tal-klijenti inkwistjoni, jiġifieri l-aħwa Bajada, fosthom Eucharist Bajada li ibnu kien miżżewweġ ma’ oħt Simon Busuttil. Skont Daphne, Delia għandu jew kellu sehem f’kumpanija li s-sid tagħha huwa l-istess Bajada u li dan kellu/għandu appartament li allegatament jintuża għall-prostituzzjoni. Il-flus li kienu jinġabru kienu jgħaddu fil-kont f’Jersey u minn hemm għal kontijiet oħra.

Hawn ta’ min wieħed isemmi d-diskors isteriku ta’ Delia, fejn kien iddeskriva lil Daphne bħala “biċċa blogger,” frażi li nstabtet ma’ wiċċu mill-ġdid meta Caruana Galizia nqatlet.

Dawn l-allegazzjonijiet tista’ tgħid li bdew it-triq imħarbta ta’ Delia. Fl-eqqel tal-kampanja tlaqqa’ l-Kumitat tal-Etika u wara laqgħa tal-Kunsill Amministrativ tal-PN, il-Kap uxxenti Simon Busuttil, appella lil Adrian Delia biex jirrikonsidra mill-ġdid il-kandidatura tiegħu.

F’Diċembru tal-2018, l-allegazzjonijiet li Caruana Galizia kienet għamlet kontra Delia reġgħu telgħu fil-wiċċ bħal donnhom biex ifakkru lil Delia li ma jistax joqgħod kwiet.

Kienet The Sunday Times of Malta li żvelat kif Delia jinsab taħt skrutinju hekk kif l-allegati rabtiet ma’ ċirku ta’ prostituzzjoni f’Soho qed ikunu investigati bħala parti minn investigazzjoni fuq ħasil ta’ flus. Fil-fatt, rapport tal-FIAU kien għadda għand il-Pulizija f’Marzu tal-2018.

Dak iż-żmien, Delia kien saħaq li ma kellux idea dwar dan għax qatt ma ntalab imur id-Depot biex ikun mistoqsi. Sa ftit tal-jiem ilu, Adrian Delia tenna li sa issa qatt ma ġie interrogat dwar dan. 

Delia jirbaħ xorta waħda

Delia rnexxielu jegħleb l-ostakli kbar li sab ma’ wiċċu fl-eqqel tal-kampanja u sar Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Minkejja dan, id-distakk bejn Adrian Delia u Chris Said ma kienx wieħed kbir u dan wera biċ-ċar kemm il-PN kien maqsum dwar il-Kap il-ġdid tiegħu, qasma li baqgħet tinħass sal-ġurnata tal-lum. Delia ftit li xejn irnexxielu jikkonvinċi lil min ma ridux biex jingħaqad warajh u l-emoraġija minn din il-ferita li ġabet magħha l-ewwel elezzjoni fost it-tesserati, baqgħet ma fiqitx sal-lum.

Delia kien kiseb 7,734 vot, filwaqt li Said 6,932 vot, jiġifieri differenza ta’ 802 voti.

Din il-qasma dehret ċara fl-ewwel Mass Meeting tal-Indipendenza, jiem biss wara l-elezzjoni tal-Kap. Delia ma rnexxilux jimla kwart tal-Fosos tal-Furjana u diversi Deputati ma marrux.

Delia jiksirha man-nies ta' Simon

Waħda mill-akbar turbolenzi li heżżu lil Adrian Delia, kien ir-rapport tal-inkjesta Egrant li ma kien sab l-ebda prova li din il-kumpanija misterjuża kienet b’xi mod marbuta ma’ Joseph Muscat, martu jew familtu.

Fit-22 ta’ Lulju, dakinhar li ġew ippubblikati l-konklużjonijiet tar-rapport, Adrian Delia kien talab lill-preduċessur tiegħu, Simon Busuttil, biex jirriżenja mill-Grupp Parlamentari Laburista u dan għax fil-kampanja elettorali tal-2017, Busuttil kien għamel tiegħu dawn l-allegazzjonijiet.

Delia kien neħħa lil Busuttil mis-shadow cabinet.

Busuttil kien irrifjuta li jirriżenja u warajh kien hemm għadd ta’ Deputati Nazzjonalisti li ntefgħu fuq Facebook jiktbu: #notinmyname.

Delia kien għamel U-Turn kbira. Mhux talli ma baqax isejjaħ għar-riżenja ta’ Busuttil talli f’salt beda l-ġlieda kontra l-Avukat Ġenerali biex ikun ippubblikat ir-rapport sħiħ tal-inkjesta, ġlieda li rebaħ.

Delia jitlef bil-kbir l-elezzjoni tal-MEPs

Daqqa kbira oħra għal Delia kienet it-telfa li l-PN ġarrab fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew tal-2019. Il-PN tilef l-elezzjoni b’distakk ta’ 42,656 vot. 

Mhux hekk biss. Ħadd mill-kandidati favoriti u li dejjem appoġġjaw lil Adrian Delia ma ġew eletti. Iż-żewġ siġġijiet li tella’ l-Partit Nazzjonalista mtlew minn Roberta Metsola u David Casa.

Ir-riżultat kien wassal biex grupp ta’ membri tal-PN, immexxija minn Ivan Bartolo u Mark Anthony Sammut (fost oħrajn) ġabru l-firem biex jitlaqqa’ l-Kunsill Ġenerali u jittieħed vot dwar Delia.

Dakinhar 920 kunsillier kienu vvotaw favur li Delia jibqa’ Kap Nazzjonalista sal-elezzjoni ġenerali li jmiss. 438 vvotaw kontra. Dan ifisser li Delia kiseb l-appoġġ ta’ 67% tal-kunsilliera.

Delia u l-qagħda finanzjarja

Minn meta sar Kap, il-qagħda finanzjarja ta' Delia dejjem qajmet diversi mistoqsijiet. 

Meta kien għadu kandidat, Delia kien ippubblika r-rapport awditjat dwar il-pożizzjoni finanzjarja tiegħu, liema rapport kien jispjega kif kellu jħallas b’lura €51,924 f’taxxi u €34,859 f’interessi.

Kien f’Mejju tal-2018 meta l-Kap Nazzjonalista kien għalaq din il-kwistjoni. Delia kien spjega kif ħallas kollox billi biegħ l-ishma li kellu f’diversi kumpaniji legali u anke proprjetà fis-Siġġiewi.

Sa dakinhar, il-Partit Laburista kien qed jinsinwa li Delia kien qed juża flus li jkunu nġabru waqt maratoni biex iħallas it-taxxi li kellu jagħti u dan fi żmien meta kulħadd jaf li s-sitwazzjoni finanzjarja tal-PN ma hi xejn feliċi.

Il-problemi finanzjarji ta' Delia reġgħu spiċċaw fiċ-ċentru tad-diskussjoni meta l-eks mara tiegħu kienet għamlet protest ġudizzjarju kontrih fejn akkużatu li falla milli jħallas żewġ pagamenti tal-loan fuq id-dar tagħhom.

F’kummenti mal-illum.com.mt Delia kien iddeskriva dawn l-allegazzjonijiet, ippubblikati fuq il-blogg ta’ Manuel Delia, bħala gidba.

 

More in Politika