Min-negozju fit-tiġrijiet taż-żwiemel, għal xufier tat-taxi u intermedjarju fi qtil ... min hu Melvin Theuma?

Theuma kien ġie arrestat f’Novembru tas-sena li għaddiet wara investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus u kien hawn li kixef dak li jaf kontra Yorgen Fenech biex jingħata l-Maħfra Presidenzjali

Dalgħodu kulħadd qam jitkellem fuq dak li l-Pulizija lbieraħ iddeskrivietu bħala ‘attentat ta’ suwiċidju’ minn Melvin Theuma, l-intermedjarju tal-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia u li huwa x-xhud ewlieni fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant.

Theuma kien ġie arrestat f’Novembru tas-sena li għaddiet wara investigazzjoni dwar il-ħasil tal-flus. Huwa kien magħruf għal reati finanzjarji. Beda mil-logħob fuq it-tiġrijiet taż-żwiemel fil-Marsa, fejn sar jaf lill-aħwa Degiorgio u meta sab sew siequ 'fin-negozju' kompla b'reati aktar serji.

Meta s-sena li għaddiet il-Pulizija arrestawh, dejjem skont sorsi li tkellmu mal-midja lokali, fid-dar tiegħu sabu xejn inqas minn €2 miljun moħbija.

Din ma kinitx l-ewwel darba li Theuma ġie arrestat:

  • Fl-2014:  Theuma jkun akkużat li hedded raġel b’revolver, u ġiegħlu jiffirma għal €200,000. 
  • Fl-2007:  Akkużat li għamel ħsara fuq vettura. Theuma ċaħad l-akkużi. Il-każ waqa’ minħabba nuqqas ta’ provi.
  • Fl-2003: F’Ġunju, Melvin Theuma jkun akkużat b’użura u li hedded lil min kien sellef il-flus minkejja li kien ħallas kollox lura. 

Wara li s-sena li għaddiet ġie arrestat, Theuma kien talab il-Maħfra Presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, l-akbar assassinju fl-istorja ta’ pajjiżna li waqqaf u heżżeż pajjiż sal-lum il-ġurnata.

Meta ngħata l-maħfra, Theuma kixef l-isem ta’ Yorgen Fenech li l-Pulizija kienet tefgħet diġà ħarsitha fuqu u kompla jispjega l-Pulizija, pass pass, kif allegatament Fenech qabdu jorganizza l-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Għalhekk huwa spiċċa l-intermedjarju bejn Fenech u l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

Theuma kien jaħdem ukoll bħala xufier tat-taxi f’Portomaso, li s-sid tagħha ma huwa ħadd ħlief l-istess Yorgen Fenech.

Il-biża’ ħakmet sew lil Theuma u huwa stess qal kemm-il darba fil-Qorti li meta sema li Vince Muscat (Il-Koħħu) kien qed jitlob il-Maħfra Presidenzjali u beda jitkellem mal-Pulizija kien qed jibża’ li Yorgen Fenech u Keith Schembri (għax dejjem żeffnu fin-nofs) kienu se jeħilsu minnu.

Propju għalhekk li Theuma beda jirrekodja l-konverżazzjonijiet tiegħu ma’ Yorgen Fenech u poġġa dawn ir-recordings f’kaxxa, flimkien ma’ ittra li kienet titfa’ l-ħtija ta’ kollox fuq Fenech u Schembri u anke ritratt tiegħu flimkien mal-eks Chief of Staff ta’ Kastilja.

Dan ir-ritratt kien ittieħed dakinhar li Theuma mar Kastilja, ftit jiem biss wara li tqabbad jorganizza l-assassinju ta’ Daphne, biex jingħata jew jitlob li jingħata impjieg. Theuma, fil-fatt kien ingħata dan “l-impjieg fantażma.”

Tul ix-xhieda tiegħu, Theuma kemm-il darba qal li kien kontinwament imbeżża’ għas-sigurtà tiegħu u ta’ familtu u kien sar ossessjonat bil-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio u Vince Muscat. Dan joħroġ ċar mir-recordings tal-konverżazzjonijiet.

Fil-Qorti nstema’ kif kemm-il darba kien mar jistenna lil Schembri quddiem Kastilja biex jistaqsih dwar il-ħelsien mill-arrest, anke jekk qatt ma rnexxielu jkellmu u anke li kemm-il darba saq sad-Depot biex jaqla’ din il-balla minn fuq l-istonku iżda dejjem dar lura għax qatt ma sab biżżejjed kuraġġ.

Kien l-istess Theuma li kixef ir-rabta ta’ Fenech ma’ politiċi. Kien hu li waslu fil-famuż riċeviment tal-Girgenti organizzat f’għeluq snin Joseph Muscat u kien hu li allega l-ewwel darba li Adrian Delia kien mar jiekol għand Fenech u talbu l-flus biex jintużaw kontra David Casa fl-elezzjoni tal-Parlament Ewropew.

Ix-xhieda ta' Fenech waslet ukoll għal riżenji, fosthom ta' Chris Cardona li fi ftit xhur spiċċa minn Ministru, Deputat u Deputat Mexxej tal-Partit Laburista. Theuma kien xehed fil-Qorti li skont dak li qallu Yorgen Fenech, viċin it-tinda tal-Patata fil-Marsa, kien instab wieħed mill-mowbajls ta' Alfred Degiorgio u li fuqu kien hemm biss in-numru ta' Chris Cardona. Cardona dejjem ċaħad li kellu b'xi mod jaqsam mal-assassinju.

Kien hu wkoll li beda jitfa' d-dawl dwar ir-relazzjoni ta' Fenech mal-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta, li kien responsabbli mill-investigazzjoni dwar l-assassinju ta' Caruana Galizia fl-ewwel xhur kruċjali tagħha.

Aqra aktar dettalji mix-xhieda ta’ Theuma:

More in Politika