Keith, ‘l-oħxon,’ ‘ix-xiħ,’ u Cardona. Min jissemma fir-recordings ta’ Melvin u Yorgen?

X’ħareġ fl-aħħar seduti tal- kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech? Min qed jissemma? Għaliex? Il-gazzetta ILLUM tispjega...

Li isem Keith Schembri jissemma fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech ma għadhiex xi sorpriża. Ismu jissemma l-ħin kollu, aktar milli qiegħed jissemma ta’ Yorgen Fenech li kontrih huwa l-każ. 

Madanakollu, fl-aħħar żewġ seduti tal-kumpilazzjoni ssemmew persuni importanti oħra, inkluż l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, l-eks Assistent Kummissarju tal-Pulizija Silvio Valletta u l-eks Ministru u d-Deputat Mexxej tal-Partit Laburista Chris Cardona.

X’aktarx li l-aktar punt xokkanti li ħareġ mill-aħħar żewġ seduti tal-kumpilazzjoni tal-evidenza kienu l-mument meta Melvin Theuma, l-allegat intermedjarju li ngħata l-Maħfra Presidenzjali, qal li Yorgen Fenech kien qiegħed jirċievi informazzjoni dwar il-każ mingħand l-eks Chief of Staff f’Kastilja, Keith Schembri u anke mingħand l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta. 

Fil-fatt, skont Theuma, Keith Schembri kien qed jgħaddi informazzjoni sensittiva u importanti dwar il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia tant li Fenech kien ikun jaf dwar l-iżviluppi importanti.

Madanakollu, skont Theuma, kien Yorgen Fenech stess li qallu li anke Silvio Valletta kien qed jagħtih l-informazzjoni.

Fir-recordings tal-konverżazzjonijiet, Yorgen Fenech u Melvin Theuma jirreferu għall-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta bħala ‘Valletta l-oħxon’.

Għaliex dan huwa punt xokkanti?

Silvio Valletta kien qed imexxi l-investigazzjoni dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia sakemm tneħħa fuq ordni tal-Qorti wara talba tal-familja Caruana Galizia.

Valletta kien issospenda lilu nnifsu mill-investigazzjoni f’Ġunju tal-2018 wara li l-Qorti kienet saħqet li jista’ jkun hemm kunflitt ta’ interess minħabba l-fatt li hu miżżewweġ lil Justyne Caruana, dak iż-żmien Ministru għal Għawdex.

Id-deċiżjoni kienet ikkontestata mill-Avukat Ġenerali iżda f’Ottubru tal-2018 din kienet ikkonfermata mill-Qorti Kostituzzjonali.

Ta’ min ifakkar ukoll li fl-aħħar ġimgħat ġie żvelat li Valletta kien ħabib ta’ Fenech tant li siefer miegħu biex jara logħba. Huwa siefer ma’ Fenech f’Settembru tal-2018.

Il-Pulizija sabet ukoll filmat, fil-mowbajl ta’ Fenech, li fih l-eks Assistent Kummissarju jidher fir-Rolls Royce tal-allegat mandant.

Dawn l-istejjer wasslu għar-riżenja ta’ Justyne Caruana minn Ministru għal Għawdex.

Iżda Valletta ċaħad...

Ftit minuti biss wara li ntemmet il-kumpilazzjoni, Valletta ħareġ stqarrija li fiha ċaħad dak kollu li qal Theuma dwaru.

“Niċħad kategorikament li jien qatt għaddejt xi informazzjoni fuq il-każ ta’ Daphne Caruana Galizia lil terzi persuni,” qal Valletta. “Jien l-uniku informazzjoni li għaddejt kienet waqt qadi ta’ dmirijieti.”

Insista li hu seta’ jagħmel dan qabel it-13 ta’ Ġunju tal-2018, għax wara ma baqax inkluż fl-investigazzjoni.

Iżda nhar il-Ħamis reġa’ ssemma...

Minkejja din iċ-ċaħda tiegħu, Silvio Valletta reġa’ ssemma fl-aħħar seduta tal-kumpilazzjoni, jiġifieri dik li seħħet nhar il-Ħamis li għadda.

Fil-fatt, l-Avukat Jason Azzopardi staqsa lil Theuma dwar parti oħra mir-recordings fejn hemm referenza għal Valletta.

F’dan ir-recording, Fenech jitkellem ma’ Theuma fuq persuna li kienet qed iċċempillu kontinwament, anke fit-3am, għax kien inkwetat.

“Ħa nċempel lil Valletta biex nara x’inhu jiġri fil-każ. Anke jekk qed nibża’,” jinstema’ jgħid Fenech lil Theuma fir-recordings.

Keith kien qed iċempel lil Fenech?

Melvin Theuma kien ippressat biex jgħid għal min kien qed jirreferi Yorgen Fenech meta qallu li xi ħadd kien qed iċempillu kontinwament għax kien inkwetat.

“Naħseb li għal Keith Schembri,” wieġeb Theuma.

Jissemma Joseph Muscat ... il-kuntest mhux ċar

Għall-ewwel darba fir-recordings issemma wkoll l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, anke jekk il-kuntest ma huwa ċar xejn.

Joseph Muscat jissemma minn Yorgen Fenech u jgħid hekk: “Qalli dawn waslu ta. Għax qalli mitt darba ħa jaqbduha. Indannati kienu b’Joseph b’kollox.”

Anke jekk Theuma jikkonferma li Yorgen kien qed jirreferi għal Joseph Muscat, il-kuntest mhux ċar. 

Spjega biss li Keith Schembri kien qal lil Fenech li l-Pulizija kienu jafu minn qatel lil Daphne.

Skont Theuma din kienet l-uniku darba li Fenech semma lil Joseph Muscat. “Meta darba staqsejt lil Fenech biex ikellem lil Joseph Muscat dwar il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest qalli: ‘ma tarax’,” saħaq Theuma.

Meta mistoqsi, Theuma kkonferma wkoll li Yorgen Fenech kien preżenti għar-riċeviment fil-Girgenti f’għeluq snin Joseph Muscat, għax kien hu li wara ħadu l-ajruport.

Keith Schembri mar jitkixxef mingħand imħallef f’isem Joseph

Joseph Muscat jerġa’ jissemma fir-recordings iżda din id-darba mhux b’ismu u minflok jirreferu għalih bħala “x-xiħ.”

F’wieħed mir-recordings, Fenech jinstema’ jgħid lil Theuma: “Ġejt nitkixxef minħabba x-xiħ,” u ssir referenza wkoll għal xi ħadd ‘Mizzi.’

Skont Theuma, Fenech kien qallu li Keith Schembri kien mar għand l-Imħallef Antonio Mizzi (illum irtirat) biex jistaqsi dwar il-ħelsien mill-arrest u għamel dan f’isem “ix-xiħ,” jiġifieri f’isem Joseph Muscat.

L-eks Imħallef iwieġeb...

Min-naħa tiegħu, din il-ġimgħa, l-eks Imħallef Antonio Mizzi ċaħad li kien avviċinat minn Schembri jew minn xi ħadd ieħor biex jagħti l-ħelsien mill-arrest lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat.

Mizzi ċaħad f’dikjarazzjoni li bagħat minn jeddu lill-Ispetturi Keith Arnaud u Kurt Zahra.

Huwa fakkar li għal darbtejn, fis-7 ta’ Awwissu u fit-2 ta’ Ottubru tal-2018, ċaħad il-ħelsien mill-arrest lill-akkużati bil-qtil tal-ġurnalista.

Muscat jerġa’ jissemma u miegħu Owen Bonnici

Anke nhar il-Ħamis li għadda, isem Joseph Muscat reġa’ ssemma u miegħu din id-darba jissemma wkoll Owen Bonnici.

Dawn jissemmew fil-kuntest ta’ laqgħa (mhux ċert jekk hux tal-kabinett) fejn kienet qed tkun diskussa t-talba li għamel Vince Muscat (il-Koħħu) biex jingħata l-maħfra Presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf, mhux biss dwar il-qtil ta’ Daphne iżda fuq seba’ omiċidji, inkluż dak “tat-Tyson,” li seħħ fl-2014.

“Ix-xiħ (Joseph Muscat) qalilhom li jekk mhumiex 100% ċerti ma seta’ jagħmel xejn,” jinstema’ jingħad fir-recordings.

Dan ifisser li Yorgen Fenech kien qed ikun infurmat dwar dak li kien qed ikun diskuss. Keith Schembri kien ikun preżenti għal dawn il-laqgħat.

Keith qal lil Yorgen li l-Koħħu kien lest jikxef?

Nhar il-Ħamis li għadda, l-intermedjarju qal li kien Keith Schembri wkoll li informa lil Yorgen Fenech li l-Koħħu kif qed jitkellem mal-Pulizija u li kien talab il-Maħfra Presidenzjali. 

Kien hawn li Melvin Theuma beda jippanikja li se jinkixef u li l-ħtija se tintefa’ kollha fuqu.

Ta’ min ifakkar li darba minnhom, skont Theuma, Kenneth Camilleri, l-eks uffiċjal tas-Sigurtà ta’ Joseph Muscat, mar għand Melvin Theuma b’karta u fuqha kellu tliet numri.

Camilleri kien qal lil Theuma li huwa kien il-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Kien hawn li Theuma beda jirrekordja l-konverżazzjonijiet kollha tiegħu ma’ Yorgen Fenech (ara aktar ’l isfel).

L-istess Kenneth Camilleri kien wassal messaġġ lil Theuma biex jgħid lill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia li kellhom jingħataw il-ħelsien mill-arrest u miljun ewro kull wieħed.

Theuma dejjem insista li kien Keith Schembri li bagħat lil Kenneth Camilleri, anke jekk qatt ma staqsieh.

Keith Schembri kesaħ meta sar jaf bil-qtil

Meta Theuma kien qed iwieġeb il-mistoqsijiet dwar partijiet oħra mir-recordings, qal li meta Yorgen Fenech kien qal lil Keith Schembri dwar il-bomba u l-qtil, Schembri kien “kesaħ.”

Skont Theuma, Yorgen Fenech kien qallu li meta rrakkontalu kollox, Keith Schembri wieġbu; “qabel għamilt dak li għamilt kien missek ġejt għandi.”

‘Ippanikja...’ jinstema’ fir-recordings. L-ispettur Keith Arnaud staqsa lil Melvin Theuma għal min kienu qed jirreferu.

“Keith ippanikja,” qallu Theuma.

‘Kissritu. Ħarġitha li se jmut...’

F’wieħed mir-recordings jinstema’ dan il-kliem: “Kissritu. Ħarġitha li se jmut.”

X’aktarx li din kienet referenza għall-blogs li kienet kitbet Daphne Caruana Galizia f’Diċembru tal-2016 (jiġifieri ftit xhur qabel kien ikkommissjonat il-qtil) u li fihom kienet qalet li Keith Schembri kellu kanċer.

Mowbajl u Chris Cardona

Jerġa’ jissemma wkoll isem Chris Cardona, iżda din id-darba mhux dwar l-ittra li allegatament Yorgen Fenech kien irċieva mingħand Keith Schembri, biex il-ħtija tintefa’ fuq l-eks Ministru.

Melvin Theuma qal li fil-baħar, viċin it-tinda tal-patata fil-Marsa, kien instab mowbajl li fuqu kien hemm biss in-numru ta’ Chris Cardona.

Ir-rejd fit-tinda tal-patata sar f’Diċembru tal-2017, meta l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat ġew arrestati.

“Yorgen qalli li f’wieħed mill-mowbajls sabu biss in-numru ta’ (Chris) Cardona,” xehed Theuma.

Mhux magħruf jekk din l-informazzjoni kinitx ikkoraborata bl-evidenza tal-Pulizija.                                  

Theuma għaliex kien qed jirrekordja l-konverżazzjonijiet?

Melvin Theuma kien beda jirrekordja t-telefonati fil-bidu tal-2018, jiġifieri fi żmien meta Vincent Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, kien beda jikxef xi informazzjoni, bil-għan li jingħata l-Maħfra Presidenzjali.

Ta’ min ifakkar li bħala l-intermedjarju, meta organizza l-qtil, qatt ma semma isem Yorgen Fenech.

Għalhekk, ħadd mit-tliet irġiel akkużati li poġġew il-bomba fil-karozza ta’ Caruana Galizia ma kienu jafu lil Fenech. Kienu jafu biss lil Melvin Theuma u dejjem miegħu nnegozzjaw għall-ħlas.

Kien dan li wassal lil Theuma biex jibda jibża’ li l-ħtija se tintefa’ kollha kemm hi fuqu. Hu stess kemm-il darba qal li kien qed jibża’ li Yorgen Fenech u Keith Schembri jeħilsu minnu jew jitfgħuh il-ħabs.

Għalhekk kien beda jirrekordja u żamm kollox ġo kaxxa, inkluż ir-ritratt tiegħu ma’ Keith Schembri.

Is-suspett ta’ Theuma żdied meta darba ltaqa’ ma’ Kenneth Camilleri, l-eks uffiċjal tas-sigurtà tal-Prim Ministru Joseph Muscat u dan kellu f’idejh karta bi tliet numri tal-mowbajl u qallu: “Inti l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.”

More in Politika