Aġġornata 3 | Theuma f'qagħda ħażina, daqqiet f'għonqu u żaqqu... Il-Pulizija jindikaw li kien attentat ta' suwiċidju

Melvin Theuma jiddaħħal l-isptar f'qagħda kritika ħafna ... jidher mill-ewwel indikazzjonijiet tal-pulizija li kien attentat ta' suwiċidju

Melvin Theuma
Melvin Theuma

Melvin Theuma, li kien ingħata proklama biex jixhed fil-każ tal-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, ittieħed l-isptar illejla fejn qed isofri minn ġrieħi serji. 

Dan kien żvelat l-ewwel mis-sit illum.com.mt minn sorsi fl-Isptar Mater Dei u wara mill-pulizija - b'mod uffiċjali. 

Filwaqt li l-pulizija qed tinvestiga l-każ, l-ewwel indikazzjonijiet, tgħid l-istqarrija tal-pulizija,  juru li Thema weġġa’ lilu nnifsu f'dak li allura huwa attentat ta' suwiċidju.

Sorsi mill-Isptar Mater Dei qalu lil dan is-sit illi l-kundizzjoni ta' Theuma hija ħażina ħafna u li preżenti l-Isptar hemm mat-tmien uffiċjali tal-Rapid Intervention Unit (RIU).  Theuma kellu jingħata d-demm hekk kif tilef ħafna sakemm wasal.  Huwa kellu daqqiet ta' sikkina f'għonqu u anke f'żaqqu - bil-pazjent jingħata d-demm mill-ewwel. 

Il-Pulizija qegdin jgħassu d-dħul kollu tal-ITU fejn Theuma mistenni jittieħed wara li titlesta l-operazzjoni. 

Kien meta l-avukat ta' Theuma ma setgħetx tistabbilixxi kuntatt miegħu, li nġibdet l-attenzjoni tal-pulizija mill-istess avukat. Immedjatament, il-pulizija li tkun għassa fuq barra tar-residenza tiegħu l-ħin kollu, daħlet fir-residenza flimkien ma’ mart Melvin Theuma u sabet  Theuma jsofri minn ġrieħi.

Minnufih intalbet għajnuna medika u  Theuma ttieħed l-Isptar Mater Dei. Dwar dan il-każ il-Pulizija, b'żieda mal-investigazzjoni tagħha, talbet li tinbeda inkjesta maġisterjali mill-Maġistrat tal-Għassa minnufih. 

Theuma ngħata l-maħfra Presidenzjali biex jikxef l-informazzjoni dwar il-qtil ta' Daphne Caruana Galizia, liema qtil huwa kien is-sensar tiegħu. Theuma kien xufier tat-taxi u kien jopera ħafna minn Portomaso hekk kif kien ukoll ħabib ta' Yorgen Fenech - ir-raġel akkużat bil-qtil tal-ġurnalista, nhar is-16 ta' Ottubru 2017.

Il-Pulizija quddiem id-dar ta' Theuma
Il-Pulizija quddiem id-dar ta' Theuma

(Iktar informazzjoni malli taslilna)

More in Kronaka