Min jgħid ħaġa u min jgħid oħra ... min qed jigbed? Ħarsa lejn ix-xhieda ta’ Keith Schembri

Keith Schembri ċaħad kważi dak kollu li ntqal dwaru fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech. Huwa u jixhed tefa’ l-attenzjoni fuq ħaddieħor. Mela xi ħadd qed jigdeb! L-ILLUM tanalizza x-xhieda ta’ Keith Schembri fil-Qorti

Il-ġimgħa li għaddiet kien waħda twila u bdejna mit-Tnejn meta wara stennija twila Keith Schembri tela’ jixhed fil-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech biex fi kliemu, fl-aħħar “joħroġ il-verità.” Iżda x-xhieda tiegħu ħolqot aktar inċertezza. L-eks Chief of Staff ta’ Kastilja bażikament ċaħad dak kollu li ntqal dwaru sa issa. Iżda mhux hekk biss. Għamel ukoll allegazzjonijiet fuq diversi persuni, fosthom fuq il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. Iżda min gideb? Melvin Theuma jew Keith Schembri? Min għandu raġun? Adrian Delia jew Keith Schembri? Yorgen Fenech kien qed jgħid il-verità jew lagħab logħba b’Melvin Theuma u Keith Schembri?

Bagħtu għalih jew mar minn jheddu f’Kastilja

L-intermedjarju li għandu l-protezzjoni tal-istat, Melvin Theuma, kien xehed li qabel seħħ l-assassinju, Yorgen Fenech kien qallu li se jirċievi telefonata minn Kastilja, mingħand Sandro Craus, biex jiltaqa’ ma’ Keith Schembri. 

Schembri insista li jinsab konvint li ħadd ma bagħat għal Theuma. Fi kliemu, Theuma mar minn jheddu għandu biex jitolbu xogħol. Insista li l-laqgħa ma damitx, Theuma ried ritratt miegħu u wara Schembri għadda d-dettalji tiegħu lill-customer care. Fi kliemu, ma kellu l-ebda idea jekk Theuma ngħatax impjieg. Dan kollu seħħ sitt xhur qabel l-assassinju ta’ Caruana Galizia.

Insista li fl-uffiċċju tiegħu kien hemm “open-door policy” u bħal ta’ Theuma kien jirċievi mal-ħames żjajar kuljum.

Schembri saħaq li ltaqa’ ma’ Theuma darbtejn. Din id-darba f’Kastilja u darba oħra fil-farmhouse ta’ Fenech, li ddeskrivih bħala ħabib kbir tiegħu.

Craus kien ukoll tkellem mal-gazzetta ILLUM u kien insista li “qatt, qatt u qatt” ma għamel pressjoni biex Theuma jingħata xi xogħol mill-Gvern.

“Deffsuli ismi f’din l-istorja. Irrabjat, imdejjaq u nħossni użat,” kien saħaq Craus.

Min qed jigdeb Yorgen u Keith jew Delia u Portelli

Meta kien qed jixhed dwar kemm nies kienu jmorru għand Fenech għall-ikel, insista li “ħaddieħor fil-politika li jridha tad-dritt kien imur għandu jiekol u jixrob u jitolbu l-flus.”

Hawn Schembri kompla ma’ dak li xehed jiem qabel Melvin Theuma dejjem skont dak li qalilhom Yorgen Fenech. Schembri qal li Adrian Delia kien mar għand Yorgen Fenech u talbu €50,000 biex jintużaw kontra l-elezzjoni ta’ David Casa għall-Parlament Ewropew.

Skont Schembri, kien Pierre Portelli, l-eks Kap Eżekuttiv tal-midja tal-Partit Nazzjonaliosta, li kien imur jiġbor il-flus. Insista li Portelli ġieli għamel sigħat jistenna fir-reception ta’ Portomaso biex jiġbor il-flus.

Kemm Delia u anke Portelli ċaħdu dawn l-allegazzjonijiet u t-tnejn li huma għamlu affidavit ġuramentat. Dwar din l-allegazzjoni serja ħafna infetħet inkjesta maġisterjali.

Ħaġa ċerta: Keith Schembri kien ilu sentejn jigdeb dwar 17 Black

Ma setax jonqos li waqt ix-xhieda Keith Schembri kien mistoqsi dwar il-kumpanija 17 Black imniżżla bħala ‘target client’ tal-kumpanija tiegħu u tal-eks Ministru Konrad Mizzi fil-Panama.

Keith Schembri kienu ilu sentejn jevita l-mistoqsijiet tal-ġurnalisti dwar jekk kienx jaf li l-kumpanija 17 Black hija ta’ Yorgen Fenech. Iżda fix-xhieda tiegħu ammetta li kien jaf minn dejjem li din il-kumpanija kienet ta’ Fenech.

Huwa ammetta taħt ġurament li 17 Black kienet target client tal-kumpanija tiegħu fil-Panama hekk kif il-pjan tiegħu kien li wara li jitlaq mill-politika, ikun involut f’negozju ma’ Yorgen Fenech.

Fi kliemu, kien meqjus “prestiġju” li wieħed ikollu negozju ma’ Yorgen Fenech.

Kellu jew ma kellux x’jaqsam mal-ħelsien mill-arrest?

Fir-recordings ta’ Melvin Theuma, Keith Schembri jissemma b’rabta mal-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio.

“Ma għandi l-ebda konnessjoni ma’ affarijiet bħal dawn. Smajt ir-recordings meta kont fil-lockup ... Meta għafastu lil Melvin Theuma għaliex semma lil Keith Schembri, huwa qalilkom li ried iniggeż lil Fenech. Jiena qatt ma tkellimt dwar ħelsien mill-arrest ta’ xi ħadd,” insista.

Schembri ċaħad ukoll li kien iltaqa’ mal-eks Imħallef Antonio Mizzi dwar il-kwistjoni tal-bail, kif kien allegat.

Għadda informazzjoni lil Fenech? Kien jaf li hu involut?

Tul ix-xhieda tiegħu, għal diversi drabi, Melvin Theuma qal li kien Keith Schembri li kien qed jgħaddi l-informazzjoni dwar l-investigazzjoni lil Yorgen Fenech. Dan awtomatikament ifisser li Schembri kien jaf li Fenech kien ordna l-qtil ta’ Caruana Galizia.

Schembri insista: “Hu qatt ma qalli li wettaq l-omiċidju.” Fi kliemu, qatt ma tkellem dwar il-każ ma’ Yorgen Fenech u sar jaf biss mil-laqgħat f’Kastilja tal-Ispettur Keith Arnaud. Insista wkoll li mhux dejjem kien ikun preżenti. Fost oħrajn qal li ma kienx preżenti meta kienet diskussa t-talba għall-ħelsien mill-arrest ta’ Vince Muscat u ġieli ntalab joħroġ ukoll mil-laqgħat.

“Vera li nidħol fin-nar għal Yorgen Fenech iżda qatt ma tkellimt miegħu dwar dan il-każ ... kien ikolli nibqa’ serju u nippretendi li ma nafx,” insista Schembri waqt li ċaħad li għadda informazzjoni dwar ir-rejds.

Il-ħmar iweħħel f’denbu? Min għadda l-ittra lil Yorgen Fenech

L-Ispettur Keith Arnaud staqsih ukoll dwar l-ittra li waslet għand Fenech u li kienet tagħtih struzzjonijiet biex jitfa’ l-ħtija fuq Chris Cardona. 

It-tabib Adrian Vella, it-tabib komuni bejn Schembri u Fenech kien ammetta mal-Pulizija li kien hu li wassal l-ittra u li kien Keith Schembri li talbu jagħmel dan. Dak iż-żmien, Yorgen Fenech kien jinsab ufuq police bail.

Schembri ċaħad dan kategorikament. “Vella ma ħa l-ebda dokument mingħandi.”

Ma gidibx ... Joseph Muscat tah raġun

Keith Schembri xehed li kien il-Prim Ministru Joseph Muscat li lejlet l-arrest ta’ Fenech kien talbu jiżgura li dan ma jitaqx mill-pajjiż.

Skont Schembri, Muscat talbu jċempel lil Fenech u hu hekk għamel. Skont Schembri għamel 20 minuta jipprova jikkonvinċih jibqa’ Malta anke jekk Fenech kien qallu li sejjer Sqallija għal xi xogħlijiet fuq il-jott.

Joseph Muscat ammetta li talab lil Schembri biex jiżgura li Yorgen Fenech ma jitlaqx minn Malta

F'kummenti mat-Times of Malta, wara x-xhieda ta' Keith Schembri li żvela din l-informazzjoni, Muscat ammetta li ċempel lil Schembri u qallu: "kun ċert li ma jitlaqx minn Malta."

Fit-tweġiba tiegħu Muscat qal li ma kienx jaf li Schembri ċempel lil Fenech. 

Kenneth Camilleri
Kenneth Camilleri

U l-famuż ‘Kenneth’ minn Kastilja?

Skont Melvin Theuma, Kenneth Camilleri, wieħed mill-istaff ta’ Schembri u eks uffiċjal tas-sigurta ta’ Joseph Muscat kien iddiskuta miegħu it-termini dwar il-ħelsien mill-arrest tat-tlett irġiel akkużati bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Kien Camilleri li skont Theuma qallu li t-tlett irġiel kellhom jieħdu miljun ewro kull wieħed wara li jingħataw il-ħelsien mill-arrest. Theuma kien allega, jew wasal hu għall-konklużjoni, li kien Schembri li qed jibgħat lil Camilleri anke jekk dan qatt ma kkonfermalu.

Min-naħa tiegħu, Schembri kkonferma biss li Camilleri kien wieħed mill-istaff tiegħu. Fi kliemu kemm kien jgħidlu “hello u ċaw.”

“Żgur li le. Qatt ma tkellimt ma’ Kenneth fuq il-bail,” insista Schembri.

Il-verżjoni ta’ “Kenneth minn Kastilja” ma nistgħux insiru nafuha għax għażel li ma jixhidx meta l-Qorti wissietu li dak li jgħid jista’ jintuża kontrih jew saħanista jinkriminah.

More in Politika