'Deffsuli ismi u nħoss li ġejt użat' - Sandro Craus jitkellem għall-ewel darba

Wara sigħat id-Depot Craus, emozzjonat, jinsisti li kien użat u li deffsuh fil-biċċa ta’ Theuma meta hu ma jistax jagħti impjieg jew jiffirma kuntratti...

Sandro Craus
Sandro Craus

Deffsuli ismi f’din l-istorja. Irrabjat, imdejjaq u nħossni użat.” Hekk qal ma’ din il-gazzetta Sandro Craus, Kap tad-Dipartiment tal-Customer Care f’Kastilja li ftit qabel kien qed jiffaċċja mistoqsijiet dwar allegazzjonijiet li hu għamel pressjoni biex Melvin Theuma jingħata impjieg mill-Gvern.

F’kuntatt telefoniku, emozzjonat għall-aħħar, Craus qal illi hu qatt, qatt u qatt m’għamel pressjoni biex Theuma jingħata dan l-impjieg mal-Gvern. Theuma, fil-fatt, qatt ma mar għal dan ix-xogħol partikolari.

Craus, li ntalab imur id-Depot, fejn iffaċċja mistoqsijiet tal-Pulizija għal madwar siegħa, fakkar illi hu jara eluf ta’ nies kuljum u kellu quddiemu eluf kbar ta’ każijiet mill-elezzjoni ġenerali lil hawn. Ħafna minn dawn il-każi trattaw kwistjonijiet ta’ akkomodazzjoni soċjali, faqar u xogħol.

Mal-ILLUM Craus sostna li “jiena qatt ma għamilt pressjoni u biex inkun onest ma niftakarx li qatt saret xi tip ta’ pressjoni fuqi minħabba dan il-persuna. U biex inkun għidt kollox lanqas biss niftakaru sew lil dan għax ma kienx xi każ soċjali ta’ xi ħadd li vera kien fil-bżonn.”

“Jiena dejjem għamilt xogħli skont il-liġi. Jiena qatt m’għamilt appuntament miegħu,” sostna Craus li indika illi ma jiftakarx illi Melvin Theuma qatt reġa’ mar Kastilja. Ifakkar ukoll li l-uffiċċju tiegħu mhux maġenb dak ta’ Keith Schembri tant li qiegħed żewġ sulari fuqu. 

“Jiena ma kellix is-saħħa nimpjega lin-nies jien jew niffirma kuntratti jien,” fakkar Craus lil din il-gazzetta.

“Inħossni ġejt użat u żeffnuli ismi f’din il-ħaġa,” reġa’ qal imnikket.

Din il-kwistjoni kollha qamet hekk kif fix-xhieda tiegħu din il-ġimgħa Melvin Theuma, is-sensar fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galzia, qal illi ngħata impjieg mal-Gvern, li għalih qatt ma mar. Fil-Qorti qal kif qabel l-elezzjoni tal-2017 Keith Schembri kien tah dawra ma’ Kastilja u mbagħad ħadu għand Craus li infurmah bl-impjieg tiegħu.

Minn hawnhekk huwa mar il-Ministeru ta’ Michael Farrugia, dak iż-żmien tas-Soledarjetà Soċjali u Familja, fejn kien mistoqsi jekk jafx jibgħat email u għar-risposta fil-pożittiv ingħata l-impjieg mal-kumpanija Housing Maintenance and Embellishment.

Theuma kien qed jirċievi ċekkijiet għall-impjieg fantażma sa ftit żmien wara l-elezzjoni ġenerali tal-2017 meta mbagħad waqaf jirċevihom.

Ilbieraħ Keith Schembri reġa’ kien id-Depot fuq materji relatati ma’ dan l-impjieg li ngħata lil Theuma fl-istess żmien li kien qed jaħdem fuq il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

 

More in Politika