Rabja fost membri tal-MZPN li ma kinux ikkonsultati dwar l-istqarrija li talbet għar-riżenja ta' Delia

Membru fi ħdan l-eżekuttiv tal-MZPN saħaq mal-ILLUM li sab il-post fuq Facebook ma' wiċċu mingħajr l-ebda konsultazzjoni

Is-sit illum.com.mt jinsab infurmat minn sorsi fi ħdan il-Moviment Żgħażagħ Partit Nazzjonalista li hemm rabja fost membri tal-fergħa hekk kif ma kienx hemm konsultazzjoni dwar l-istqarrija uffiċjali li ttellgħet dalgħodu fuq Facebook u li talbet għar-riżenja tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista u tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Membru fi ħdan l-eżekuttiv tal-MZPN saħaq mal-ILLUM li qam dalgħodu u sab il-post ma' wiċċu mingħajr ma kien hemm l-ebda konsultazzjoni dwarha.

"Hemm membri fl-eżekuttiv li huma xettiċi dwar Delia li wkoll ma qablux li kellha tittieħed pożizzjoni uffiċjali mingħajr ma jkun hemm diskussjoni u deċiżjoni fl-eżekuttiv," saħaq is-sors.

Ikkuntatjat minn dan is-sit, is-Segretarju tal-MZPN, James Aaron Ellul ma xtaqx jikkummenta u saħaq li dak li jiġri fi ħdan l-MZPN jibqa' fi ħdan il-Moviment.

Ilbieraħ, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ġie sfiduċjat minn dsatax-il membru tal-Grupp Parlamentari anke jekk hu ddikjara li se jibqa' Kap tal-Partit u anke Kap tal-Oppożizzjoni.

More in Politika