Theuma jgħid li l-aħwa Degiorgio kienu talbu lil Chris Cardona biex jgħinhom jinħelsu mill-arrest

... iżda jixhed li l-eks Ministru injorahom

Illum kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech, l-allegat mandant tal-qtil ta' Daphne Caruana Galizia.

Fl-aħħar seduti, mir-recordings u anke skont ix-xhieda tal-intermedjarju Melvin Theuma, irriżulta li Keith Schembri u l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta kienu qed ifornu lil Fenech bl-informazzjoni dwar l-investigazzjonijiet, anke jekk Valletta ċaħad dawn l-akkużi.

Irriżulta wkoll, skont Theuma, li l-Pulizija sabet mowbajl biswit it-tinda tal-patata, fejn ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat (l-irġiel akkużati li poġġew il-bomba fil-karozza ta' Daphne Caruana Galizia) u li fih kien hemm biss in-numru tal-eks Ministru Chris Cardona.

Segwi pass pass dak li għaddej bħalissa fil-Qorti:

L-ewwel recording: Il-ħelsien mill-arrest għall-irġiel

Fl-ewwel recording li nstema' llum, Melvin Theuma jinstema jgħid: "Hemm talba għall-ħelsien mill-arrest quddiem Mizzi (l-Imħallef). Għidtilhom li la nista' ngħid 'iva' u lanqas 'le'."

Fenech iwieġbu u jgħidlu: "Ma nafux."

Il-ħelsien mill-arrest li qed jissemma huwa għall-aħwa Degiorgio. 

L-eks Imħallef ċaħad li xi darba ġie avviċinat minn Keith Schembri biex jagħti l-ħelsien mill-arrest lill-akkużati. Ta' min ifakkar li l-Imħallef Antonio Mizzi ċaħad darbtejn il-ħelsien mill-arrest lill-aħwa Degiorgio u lil Vince Muscat.

Maġistrat, Avukat u laptops

Theuma jinstema jgħid: "Dik il-kwistjoni tal-Avukat mhux ħaġa kbira?"

Fenech iwieġeb: "Tal-mistħija. Isiru miljunarji f'ġurnata."

Jgħid ukoll li l-ġuri ma jistax jibda jew inkella l-Maġistrat "jispiċċa l-ħabs."

"Taqbel li jinġiebu l-laptops," ikompli jgħid Theuma. "Ovvjament," iwieġeb Fenech.

Theuma jkompli jgħid li Peter Caruana Galizia kien se jwaqqa' l-każi ta' libelli li jikkonċernaw lil martu.

Theuma jibda jispjega

L-Ispettur Keith Arnaud jistaqsih dwar il-laptops li jissemmew fir-recordings.

Qal li din hija referenza għall-laptops ta' Caruana Galizia

"Kont qed nibża' li dawn se jinġiebu Malta, ir-riċerka kienet se ssib l-isem ta' Yorgen u tiegħi wkoll. Imma Yorgen qall li aħjar jekk jinġiebu," spjega Theuma.

Il-laptops jinsabu f'idejn il-Pulizija Federali Ġermaniża u magħhom anke tliet hard drives li kienet tuża Caruana Galizia. Alfred Degiorgio fetaħ każ Kostituzzjonali dwar il-fatt li l-familja ma tridx tgħaddi dawn il-laptops lill-investigaturi.

'Biċċa waħda ma' Joseph'

L-Ispettur Arnaud talbu jispjega għalxiex kien qed jgħid meta jinstema' jgħid: "int biċċa waħda mal-ieħor."

Qal li kien qed jirreferi għall-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Theuma qal li kien qal lil Fenech biex ikellem lill-Prim Ministru dwar il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest iżda hu qallu: "Ma tarax. Dik tkun l-agħar ħaġa."

Qal li l-aħwa Degiorgio kienu bagħtulu messaġġ jgħid: "ġewwa huma u ġewwa kulħadd magħhom."

Fi kliemu, din se tkun qed tinstema' f'wieħed mir-recordings.

Degiorgio 'jgħinu' lil kulħadd

Melvin Theuma qal li darba minnhom, Mario Degiorgio, ħu l-aħwa Degiorgio, qallu li ħutu jgħinu lil kulħadd iżda mbagħad ħadd ma jgħin lilhom.

Il-Maġistrat tistaqsi: "Min hu kulħadd?"

Theuma jwieġeb: "ma nafx," waqt li saħaq li hu qatt ma kien jistaqsi.

'Erbgħa oħra involuti'

Arnaud jistaqsi dwar parti mir-recordings fejn jinstema' jgħid: "Ma naħsibx li l-Koħħu jaf dwar l-oħrajn."

Theuma qal li jemmen li apparti dawk arrestati, hemm erba' persuni oħra involuti fil-qtil.

"Erba min?" staqsiet il-Maġistrat.

Theuma jwieġeb: "Jiena għidt li erba' oħra kienu involuti mal-aħwa Degiorgio biex poġġew il-bomba. Hekk ħassejt. Konnha qed nitkellmu dak il-ħin."

L-Ispettur staqsih jekk dawn l-erbgħa kinux involuti mal-aħwa Degiorgio jew waħedhom, b'Theuma jisħaq li kienu involuti mal-aħwa.

Degiorgio jibagħtu messaġġ lil Chris Cardona?

Iżda l-Maġistrat mhux sodisfatta bit-tweġiba u tirreferi għal silta oħra fejn isemmi lil Chris Cardona.

"Mario Degiorgio kien qal li Chris Cardona kien injora lill-aħwa Degiorgio meta dawn bagħtulu messaġġ biex jgħinhom għall-ħelsien mill-arrest," qal Theuma. "Cardona seta' jgħinhom aktar minn kulħadd. Huwa fil-Qorti u jaf lill-Imħallfin kollha."

Il-ġimgħa li għaddiet, Theuma qal ukoll li Yorgen Fenech qallu li l-Pulizija sabet mowbajl biswit it-tinda tal-patata, fejn ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat u li fih kien hemm biss in-numru tal-eks Ministru Chris Cardona.

L-akkużati waqt l-aċċess bħala parti mill-kumpilazzjoni
L-akkużati waqt l-aċċess bħala parti mill-kumpilazzjoni

'Iniżżlu lil kulħadd magħhom'

Kompla jgħid li Mario Degiorgio kien bagħtlu messaġġ biex jgħidlu li jekk ħutu jinżlu "kieni se jniżżlu lil kulħadd magħhom."

Mistoqsi jispjega, Theuma qal li dak iż-żmien kien ħaseb li qed jgħidu għalih għax ħadd minnhom ma kien jaf lil Fenech. 

"Lili biss kienu jafu," qal Theuma.

Melvin Theuma
Melvin Theuma

Theuma ilu jikkunsidra li jikxef kollox

Fir-recordings, Melvin Theuma jinstema' jgħid li ma setax jorqod wara l-assassinju ta' Caruana Galizia.

B'leħnu miksur, spjega fil-Qorti li kien qed jgħix kontinwament fil-biżgħa.

"Kont xbajt," qal waqt li tenna li kien ilu jikkunsidra li jkellem lill-Pulizija.

Qal li saħansitra kien lest imur għand Mario Degiorgio. "Jekk George kien lest jikxifni, allura jagħmilha, kont għidt lili nnifsi," kompla Theuma.

Kompla jixhed li Fenech kien qallu li l-ġuri ma kienx se jseħħ. Kien qallu li ma setax jibda qabel l-akkużati jingħataw il-ħelsien mill-arrest.

Il-Maġistrat trid aktar dettalji dwar "l-erbgħa l-oħra"

Il-Maġistrat ma tidhirx kuntenta dwar it-tweġiba ta' Melvin Theuma, aktar qabel, meta qal li "jemmen" li hemm persuni oħra involuti mal-aħwa Degiorgio.

Staqsietu għaliex semma "l-erbgħa l-oħra."

'Probabbilment minħabba dak li kont qed nisma' fl-aħbarijiet u fil-ħwienet. In-nies kienet qed titkellem u tgħid li kien hemm oħrajn involuti," saħaq Theuma.

"Forsi l-aħwa Degiorgio daħlu lil xi erbgħa oħra magħhom...ma kellix idea kif l-aħwa Degiorgio kienu qed jippjanaw il-qtil," saħaq Theuma.

Theuma jinsisti li ma jafx lil Chris Cardona

Theuma kien magħfus mill-Avukat Jason Azzopardi biex jispjega dak li qal aktar qabel, jiġifieri kif setgħu l-aħwa Degiorgio mill-ħabs jibagħtu messaġġ lil Chris Cardona biex jgħinhom.

"Hekk qalli Mario Degiorgio," saħaq Theuma.

Insista li hu qatt ma kellem lil Chris Cardona u ma jafux.

Leak minn Kastilja?

Azzopardi jistaqsih dwar referenza għal ċertu "Alex" fir-recordings. Jistaqsih jekk hux konxju li l-assistent ta' Keith Schembri kien jismu "Alex."

"Le," wieġeb Melvin Theuma.

Fir-recordings, Theuma u Fenech jinstemgħu jitkellmu wkoll dwar il-fatt li lejlet l-assassinju, il-karozza ta' Daphne kienet ipparkjata quddiem id-dar.

"Yorgen Fenech ġieli qalet li din l-informazzjoni kienet leaked minn Kastilja fl-istess ġimgħa?", staqsih Azzopardi. 

"Le qatt ma qalli xejn," insista l-intermedjarju. 

Aqra wkoll:

More in Politika