'Yorgen qalli li sabu mowbajl u fuqu kien hemm biss in-numru ta' Chris Cardona' - Melvin Theuma

Skont Melvin Theuma waqt ix-xhieda tiegħu dan il-mowbajl instab fil-baħar fl-inħawi tat-tinda tal-patata

Lejn tmiem il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontra Yorgen Fenech li kompliet illum, Melvin Theuma, l-intermedjarju u x-xhud ewlieni f'dan il-każ qal li kien instab mowbajl u fuqu kien hemm biss in-numru tal-eks Ministru Chris Cardona.

Skont Melvin Theuma, dan il-mowbajl kien instab fil-baħar fl-inħawi tat-tinda tal-patata, fejn f'Diċembru tal-2017 ġew arrestati l-aħwa Degiorgio u Vince Muscat.

"Yorgen kien qalli li f'dan il-mowbajl kienu se jsibu biss in-numru ta' Chris Cardona," saħaq Theuma.

L-eks Ministru kien interrogat ftit wara l-arrest ta' Yorgen Fenech, Fiċ-ċentru tal-interrogazzjoni kienet ittra ta' erba’ paġni u li tallega li Chris Cardona offra li jgħin fit-traffikanti tas-sigaretti tal-kuntrabandu jekk jgħinu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

L-ittra tgħid li wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia talab lill-Ministru Cardona biex jgħinu jiffaċilita t-traffikar bħala parti mill-ħlas għall-assassinju.

In-nota tgħid ukoll li Cardona ltaqa’ ma’ wieħed mill-irġiel akkużati fis-Siġġiewi.

Qed ikun allegat li din l-ittra għaddiet għand Yorgen Fenech mingħand Keith Schembri, permezz tat-tabib Adrian Vella. Skont l-Ispettur Keith Arnaud, it-tabib Vella kien ikkonferma li Keith Schembri kien tah envelop magħluq biex jagħtuh lil Fenech meta dan kien fuq police bail. 

Chris Cardona kien insista li l-kontentut tan-nota mhuwiex minnu. Ikkonferma li l-Pulizija kellmuh dwarha u fi kliemu, kienu sodisfatti bit-tweġibiet tiegħu.

More in Politika