Melvin Theuma jgħid li kien Keith Schembri li qal lil Yorgen Fenech li l-Koħħu kien lest jikxef

Tkompli l-kumpilazzjoni kontra Yorgen Fenech li qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Yorgen Fenech kien mill-ġdid il-Qorti hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tal-evidenza kontrih, bil-Qorti tkompli tisma’ r-recordings tal-konverżazzjonijiet bejnu u Melvin Theuma.

Fenech qed ikun akkużat bħala l-mandant tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Sa issa rriżulta li hu ħallas, permezz ta’ Theuma, €150,000 lit-tlett irġiel akkużati li poġġew il-bomba fil-karozza tal-ġurnalista.

Theuma ngħata l-maħfra presidenzjali biex jikxef dak kollu li jaf u u fost oħrajn għadda lill-Pulizija r-recordings tat-telefonati li hu beda jirrekordja fl-2018, meta beda jibża’ li Fenech kien se jeħles minnu.

Il-punti l-aktar importanti li ħarġu mix-xhieda tal-lum:

  • Theuma jgħid li kien Keith Schembri li qal lil Yorgen Fenech li l-Koħħu kien lest jikxef
  • Fenech kien jaf meta kienet qed tkun diskussa l-maħfra Presidenzjali li talab il-Koħħu, x'qal Owen Bonnici u x'qal Joseph Muscat
  • Xi ħadd kien kontinwament qed iċempel lil Fenech inkwetat dwar il-każ. Theuma jgħid li kien Schembri
  • Jinstab mowbajl li fuqu kien hemm biss in-numru ta' Chris Cardona
  • Jissemma' mill-ġdid l-eks Assistent Kummissarju. Fenech jinstema' jgħid li se jċempel lil Valletta biex jistaqsih dwar il-każ.

'Offrewli Rolex bid-djamanti u brazuletti tad-deheb' - Theuma

Wara diversi teknikalitajiet beda jinstema' l-ewwel recording li ma huma ċar xejn tant li fl-awla xejn ma beda jinfthiem.

Melvin Theuma qal li fit-recording qed jitkellmu dwar il-ħelsien mill-arrest lill-aħwa Degiorgio u anke l-Koħħu li dak iż-żmien kien beda jitkellem mal-Pulizija.

Theuma qal li Yorgen Fenech kien għadda €30,000 lill-aħwa Degiorgio iżda reġgħu talbuh għat-tieni darba l-istess ammont. 

Kien ħuh Mario Degiorgio li qallu li għandhom bżonn il-flus u offrewlu Rolex bid-djamanti u anke deheb. Qal li mar għadn Yorgen, dan tah il-flus, iżda d-deheb ma ridux.

Isem Keith Schembri ma jonqosx...

Kompla jixhed dwar partijiet oħra tar-recording. Qal li kien qiegħed jirreferi għal meta Keith Schembri bagħat lil Kenneth, l-eks uffiċjal ta-sigurtà ta' Joseph Muscat, biex ikellmu dwar il-ħelsien mill-arrest.

"Konnha qed niddiskutu l-ħelsien mill-arrest għall-aħwa Degiorgios ... Il-Koħħu (Vince Muscat) kien qed jippjana li jikxef kollox. Ma kontx qed nemmen li l-Koħħu kien se jikxifni għax qatt ma kellimtu," qal Theuma lill-Ispettur Arnaud.

Spjega li kien talab lil Fenech biex jirranġa s-sitwazzjoni dwar il-ħelsien mill-arrest ma' Keith Schembri.

"Kien Keith li bagħat lil Camilleri bl-offerta tal-ħelsien mill-arrest. Kieku ħadu l-ħelsien mill-arrest, jiena kont neħles mill-problemi kollha. Hekk kont qed naraha dak iż-żmien. Daqshekk pressjoni," qal Theuma.

Kien hawn li saħaq li Yorgen qallu li Keith ma setax jirranġa għall-ħelsien mill-arrest.

'Owen' u 'Cardona' ... 

Arnaud jkompli jaqra mit-traskrizzjonijiet u jagħmel referenza għall-isem 'Owen' u l-kunjom 'Cardona.'

Jinstema' jgħid: "Dan ħa jgħidlu le Cardona." Mistoqsi għaliex qal hekk, Theuma qal li ma jiftakarx.

Jidher, skont Theuma, li l-konverżazzjoni kienet dwar laqgħa tal-Kabinett li kienet qed tiddiskuti l-maħfra Presidenzjali li talab il-Koħħu.

"Ix-xiħ (Joseph Muscat) qalilhom li jekk mhumiex 100% ċerti hu ma jista' jagħmel xejn," jinstema' jingħad fir-recordings.

Hawn ta' min jistaqsi kif Yorgen Fenech u Melvin Theuma kienu jafu x'ġie diskuss waqt laqgħa tal-kabinett.

'Il-Gvern se jippanikja'

Yorgen Fenech, fir-recording jinstema' jgħid: 'Il-Gvern se jippanikja.'

Arnaud staqsih għaliex qal hekk, iżda Theuma wieġeb li ma jafx.

Qal ukoll li Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma' Fenech, kien jaf b'kollox wara li seħħ il-qtil. 

"Ħa nċempel lil Valletta ħa nara x'inhu jiġri..."

Theuma jkompli jwieġeb dwar partijiet oħra tal-konverżazzjoni fejn jissemma l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta

"Ħa nċempel lil Valletta ħa nara x'inhu jiġri bil-każ. Anke jekk qed nibża," Fenech jgħid Theuma.

Min kien qed iċempel kontinwament lil Yorgen Fenech?

Fenech kien qed ikellem lil Theuma dwar persuna li kienet qed iċċempillu kontinwament, anke fit-3am, għax kienet inkwetata.

L-Aavukat Jason Azzopardi jagħfas lil Theuma biex jgħid għal min kien qiegħed jirreferi Fenech. Theuma saħaq li ma jafx.

"Nassumi li Keith Schembri," qal Theuma iżda l-Maġistrat wissietu biex jieħu l-ħin tiegħu u jipprova jiftakar sew.

Pakkett fil-bagoll tal-karozza biex jinġabar...

Issir ukoll referenza għal raġel "b'xagħru mqaxxra," li darba saq lil Keith Schembri sal-farmhouse ta' Fenech.

Ir-raġel kien isuq liol Schembri iżda ma kienx Kenneth Camilleri jisħaq Theuma.

F'wieħed mir-recordings issir ukoll referenza għal pakkett li tpoġġa b'bagoll ta' karozza biex jinġabar minn xi ħadd. Theuma saħaq li ma kienx jaf x'kien jinkludi dan il-pakkett.

Il-Koħħu ried jikxef fuq seba' omiċidji

Fir-recordings huwa ċar li Fenech kien jaf li Vince Musacat, il-Koħħu, kien qed jikxef xi informazzjoni.

Jidher li Muscat ried jikxef dak li jaf fuq seba' omiċidji, inkluż il-qtil "tat-Tyson" lura fl-2014.

Il-Koħħu mal-akkużati
Il-Koħħu mal-akkużati

Theuma jinsisti li Yorgen ġab din l-informazzjoni mingħand Keith.

'4,000 persuna ffrustrata, lanqas Adrian Delia u l-familja'

Tliet sigħat wara li bdiet il-kumpilazzjoni, beda jinstema', recording ieħor. 

"Ma setax jitkellem ma' xi ħadd," Melvin Theuma jinstema' jgħid lil Yorgen Fenech. Din hija l-parti fejn hemm referenza għall-Avukat Arthur Azzopardi u l-parir tiegħu lil Vince Muscat biex jikxef dak kollu li jaf.

Yorgen Fenech jgħid li Keith Schembri qallu li ma għamel xejn ħażin.

F'recording ieħor, Fenech jinstema' jgħid lil Theuma: "Taf kemm għandha sapport? 4,000 persuna ffrustrata! Lanqas (Adrian) Delia u l-familja tiegħu."

Hawn Jason Azzopardi jistaqsi lil Theuma jekk din il-konverżazzjoni saritx wara li bdew il-protesti, b'Theuma jwieġeb fil-pożittiv.

'Fenech jiddispjaċih'

L-Avukat Jason Azzopardi jistaqsi lil Theuma jekk Fenech qattx kellu xi rimors għal dak li allegatement għamel.

Theuma jwieġbu: "Darba qalli, illi li kieku kien jaf kemm kienet kbira, ma kienx jagħmilha."

In-numru ta' Chris Cardona fiex jidħol?

Ix-xhud ikompli jgħid li Yorgen Fenech kien qallu li l-Pulizija kienu sabu mowbajl fil-baħar viċin it-tinda tal-patata fejn l-aħwa Degiorgio u Muscat ġew arrestati f'Diċembru tal-2017.

Fuq dak il-mowbajl, kien hemm biss in-numru ta' Chris Cardona.

"Yorgen qalli li fuq dak il-mowbajk se jsibu biss in-numru ta' Cardona," qal Theuma

X'ġara l-ġimgħa li għaddiet?

Il-ġimgħa li għaddiet Theuma xehed li apparti mingħand Keith Schembri, Yorgen Fenech kien qed jirċievi informazzjoni mingħand Silvio Valletta, l-eks Assistent Kummissarju Silvio Valletta, li għal xi żmien kien imexxi l-investigazzjoni qabel twarrab fuq talba tal-familja Caruana Galizia.

Xehed ukoll li Yorgen Fenech kien qal lil Keith Schembri b'dak li għamel u Keith kien 'kesah.'

Qal ukoll li Keith Schembri kien mar għand l-eks Imħallef Antonio Mizzi jistaqsi dwar il-ħelsien mill-arrest tal-aħwa Degiorgio, f'isem "ix-xiħ," jiġifieri f'isem Joseph Muscat.

Kemm Valletta u anke Mizzi ċaħdu dak li ngħad dwarhom mill-intermedjarju.

Aqra wkoll:

More in Qrati u Pulizija