Ittra tallega li Cardona offra li jgħin traffikanti bħala parti mill-ħlas għall-qtil ta' Daphne

Yorgen Fenech qed jisħaq li din l-ittra kitibha Keith Schembri u waslet għandu mingħand it-tabib Adrian Vella

Nota ta’ erba’ paġni u li allegatament inkitbet minn Keith Schembri tallega li l-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona offra li jgħin fit-traffikanti tas-sigaretti tal-kuntrabandu jekk jgħinu fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Dan kien irrapportat dalgħodu minn The Times of Malta, bin-nota qed tkun meqjusa bħala kruċjali biex ikun stabbilit jekk Keith Schembri kienx qed jindaħal fl-investigazzjonijiet.

Madanakollu, il-gazzetta tikkwota sorsi li jispjegaw magħha kif ftit hemm tama li jikkonferma minn kiteb l-ittra għax din għaddiet minn ħafna idejn u dan jagħmilha diffiċli biex fuqha jsiru testijiet forensiċi.

Jidher, li din in-nota, ingħatat lill-investigaturi minn Yorgen Fenech, l-allegat intermedjarju. Fenech qed jimplika wkoll lil Keith Schembri fil-qtil.

Mistoqsi mill-gazzetta, Chris Cardona, insista li l-kontentut tan-nota mhuwiex minnu. Ikkonferma li l-Pulizija kellmuh dwarha u fi kliemu, kienu sodisfatti bit-tweġibiet tiegħu.

Skont Fenech, in-nota waslet għandu mingħand it-tabib tiegħu Adrian Vella meta kien rikoverat Mater Dei x-xahar li għadda, fiż-żmien li kien għadu qed jiġi interrogat.

L-allegat mandant qed jisħaq li l-ittra nkitbet minn Keith Schembri jew xi ħadd f’ismu u ngħatat lit-tabib Vella, li wkoll jieħu ħsieb lil Keith Schembri.

Jidher li n-nota tgħid li wieħed mill-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia talab lill-Ministru Cardona biex jgħinu jiffaċilita t-traffikar bħala parti mill-ħlas għall-assassinju.

In-nota tgħid ukoll li Cardona ltaqa’ ma’ wieħed mill-irġiel fis-Siġġiewi.

Jidher li l-Pulizija anke lil Keith Schembri staqsewh dwar l-ittra u mal-istess gazzetta Schembri ċaħad li kien jaf biha u li kitibha hu. 

More in Politika