Il-Whip tal-Oppożizzjoni, Segretarju tal-Grupp Parlamentari u l-Kelliem għas-Self Employed u Intrapriżi ż-Żgħar Robert Cutajar, waqt il-programm mill-Kamra qal li l-Ministru Aaron Farrugia, "jew il-Ministru tat-traffiku, fl-ambjent għamel straġi u t-traffiku attribwih għall-festi." Cutajar ikkritika lill-Gvern għaliex m'għandux viżjoni biex jimmaniġġja s-sitwazzjoni tat-traffiku u qal li "jekk dan verament huwa Gvern b'viżjoni wieħed jistenna li jkollu soluzzjonijiet għat-traffiku."
Cutajar kien qed jirrispondi lis-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg waqt il-programm mill-Kamra, li ddiskuta r-reazzjonijiet għaż-żewġ diskorsi - jiġifieri tal-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech u tal-Prim Ministru Robert Abela - wara l-Baġit għall-2023. Tajjeb li nfakkru wkoll li dawn iż-żewġ diskorsi kienu l-bidu tal-proċess li fih bdew id-diskussjonijiet dwar il-baġit ta' kull Ministeru. Il-Preżentatur ta' dan il-programm, Albert Gauci Cunningham irrimarka li l-Gvern ftit li xejn għamel aċċenn għal soluzzjonijiet li jitrattaw l-immaniġġjar tat-traffiku.
Buttigieg qalet li mhux minnu li l-Gvern m'għandux viżjoni, anzi qalet li qiegħed jimplimenta l-viżjoni tiegħu fuq tliet binarji; Infrastruttura, immaniġjar aħjar tat-traffiku u aktar infurzar fit-toroq. Dan apparti li fakkret fit-trasport pubbliku b'xejn li nieda l-Gvern minn Ottubru li għadda.
Buttigieg irribattiet li s-soluzzjonijiet hemm qiegħdin iżda, "m'għandniex bakketta maġika u jissolva kollox f'daqqa." Hija għamlet referenza wkoll għall-metro, li filwaqt li saru studji ġeoloġiċi qed isiru studji oħra fuq il-vijabilità, "għax proġett ta' €6 biljun jirrikjedi studji kbar qabel ma' jsiru."
Għal dan Cutajar irrimarka li l-Gvern ilu s-snin għaddejj bl-istudji u li sadanittant berbaq ħafna flus, "mill-poplu Malti u Għawdxi kollu biex ibigħ l-idea tal-metro qabel l-elezzjoni."
'Il-Gvern jinteressah aktar kif se jbigħ il-prodott tiegħu, anke jekk ikun prodott li falla qabel ma beda'
Intant Cutajar reġa' tenna dwar "it-terbiq tal-Gvern u li l-Gvern jinteressah aktar kif se jbiqgħ il-prodott tiegħu, anke jekk ikun prodott li falla qabel ma beda," b'referenza diretta għall-istudji tal-metro.
B'reazzjoni għal dan Buttigieg staqsiet lill-Cutajar x'viżjoni għandha l-Oppożizzjoni biex ittejjeb din is-sitwazzjoni. Dan filwaqt li għamlet referenza għall-wegħda elettorali tal-PN li ssir tramm. "L-ewwel qalu li se ssir f'karreġġjata waħda imbagħad qalu li se ssir fuq żewġ karreġġjati. Il-PN ippropona wkoll li jekk ikun fil-Gvern jagħti €10,000 bħala inċentiva biex persuni ma jsuqux imbagħad kien il-Kap tal-Oppożizzjoni stess li qal li huwa ma jagħmilx użu minn din l-inċentiva."
Hija nnotat l-kritika tal-Oppożizzjoni li x-xogħlijiet ta' infrastruttura fit-toroq qed isiru f'daqqa u qalet li, "iva nistgħu nimmaniġġjaw aħjar. Però x-xogħol xorta qed isir."
Intant mill-Kamra jerġa' jirritorna fuq TVMNews+ nhar il-Ħamis li ġej fil-7:05 P.M.