B'saħħtu fid-diskors u s-soluzzjoni għall-kriżi preżenti... Imma xott fuq it-traffiku u wisq silenzju fuq Steward

Il-Prim Ministru jibqa' enerġetiku u b'diskors b'saħħtu, minkejja li l-isfidi mhumiex żgħar. Ressaq Baġit li jroxx u jqassam, anke jekk f'nofs gwerra. Imma fuq t-trasport u t-traffiku baqa' ma rabbiex kuraġġ għall-bidla u fuq Steward Healthcare baqa' wisq silenzjuż, forsi għad-detriment tiegħu stess... 

Il-Prim Ministru Robert Abela indirizza lill-Parlament fi spirtu ta' kombattiment, kważi, kważi biex nużaw lingwaġġ li wara kollox nużaw ta' kuljum: Qisu mar għall-ġlied!  

L-ewwelnett il-fatt li Abela jagħti diskors fi spirtu enerġetiku u ta' kumbattiment politiku jkun - konxjament jew le - qed jibgħat il-messaġġ li minkejja li dan il-Gvern se jagħlaq 10 snin fil-poter u minkejja riżenja ta' Prim Ministru f'nofs kriżi politika, akkużi ta' korruzzjoni, pandemija li ġabet l-ekonomija għalkopptejha u issa gwerra wara biebna, għad għandu l-ħeġġa u l-enerġija u dik il-'Can do Attitude' li tagħmlu differenti minn Gvernijiet Soċjalisti tal-passat, tellgħetu fil-poter u għadha żżommu fil-poter b'tant popolarità. F'dinja fejn id-dehera u r-relazzjonijiet pubbliċi huma importanti daqs (jekk mhux aktar xi kultant) mis-sustanza politika d-dehera ta' Prim Ministru Laburista - 10 snin wara - li għadu qed jitkellem qisu 10 snin ilu huwa importanti, biex iżomm il-vantaġġ tal-fatt li minkejja akkużi u stejjer relatati ma' korruzzjoni, jibqa' jidher Gvern aktar żagħżugħ, aktar 'hands on' u finalment aktar 'l-unika partit bis-soluzzjonijiet għall-problemi tan-nies' mill-PN.   

Bernard Grech, għadda botta u osservazzjoni pjuttost notevoli fil-bidu tad-diskors tiegħu (ara l-analiżi dwar id-diskors ta' Bernard Grech  illi kieku l-Baġit kien daqstant tajjeb kien ibigħ lilu nnifsu u l-Gvern ma kienx ikollu għalfejn jimla l-midja soċjali b'riklami u jibgħat fuljetti d-dar.  

Daqskemm din tista tkun osservazzjoni korretta, hemm possibbilità oħra. Il-Labour ma tantx imur fejn jibgħatu r-riħ u jekk l-aħħar 10 snin urewna xi ħaġa huwa li jkollu kollox ippjanat, strateġija ċara, jieħu d-deċiżjoni u wara jaċċerta li kull tromba jdoqqha - biex ħadd ma jinsa' x'għamel jew m'għamilx. Bl-Ingliż kieku ngħidu li 'Labour leaves nothing to chance.'  

Kuntrarjament għal dan, id-dokument ta' qabel il-Baġit tal-PN ħareġ bl-iżbalji, ma ngħatax spazju fuq il-midja - lanqas l-aktar midja li ġeneralment hija qrib jew tagħti imbuttatura lill-PN - u intesa' ftit wara li ħareġ.  

Illum xejn ma jbigħ lilu innifsu biżżejjed, speċjalment f'dinja fejn l-attenzjoni tan-nies la qegħda fuq il-politika, l-attention span fuq kull ħaġa hija ta' ftit sekondi (biżżejjed tara kemm filmat fuq Facebook jarawh nies għal aktar minn minuta!) u f'dinja fejn iktar minn qatt qabel, l-għajn tiġbed. Anke l-aqwa ħwienet tal-ħwejjeġ,  l-aqwa programmi televiżivi u l-aqwa ristoranti  jirriklamaw lilhom infushom u ma joqgħodux jistennew li l-prodott jinbigħ waħdu, aħseb u ara baġit  - li dejjem qed jonqsu dawk li għandhom tlett sigħat minn ħajjithom x'jaħlu biex joqħodu jarawh kollu! 

'Aħna li nagħtu' u 'huma li qed jieħdu' 

It-tieni saħħa tal-Prim Ministru fid-diskors tiegħu kien il-fatt li taqbel jew ma taqbilx miegħu - kważi kulħadd irrikonoxxa - inkluż iż-żewġ unjins prinċipali tal-pajjiż u kważi, kważi anke l-Oppożizzjoni nnifisha - li dan il-Baġit qiegħed, permezz ta' diversi miżuri, jindirizza l-problema immedjata tal-għoli tal-ħajja.  

Żieda ta' €90 għal kull wild fis-sena, COLA ta' €9.90, żieda ta' €12.50 kull ġimgħa lill-pensjonanti, bonus ġdid lil dawk kollha li jaqilgħu inqas minn €17,700 li jvarja skont il-kobor tal-familja u l-qligħ, ċekkijiet ta' rifużjoni tat-taxxa, żieda ta' €50 fl-istipendju, żieda ta' €4,000 fil-carers Grant, trasport pubbliku b'xejn... Dawn kollha miżuri li fil-fatt ħadd ma kkritikahom għax ma hemmx x'tikkritika wisq. Ħadd fil-politika mhu se jgħid li dawn il-miżuri ma għandhomx isiru "għax ħela" - għalhekk rajna anke l-avversarji tal-Gvern jammettu li "dawn il-miżuri tajbin u ta' fejda, imma...." 

Dan ipoġġi lil Abela f'qagħda ta' vantaġġ. Fil-fatt id-diskors tiegħu kontinwament għamel referenza għal dawn il-miżuri fid-dawl ukoll ta' dak li kien għamel Gvern Nazzjonalista meta kellu fuq idejh kriżi internazzjonali u prezzijiet taż-żejt li kienu qed jiżdiedu  

Naturalment dan il-vantaġġ ġej mill-fatt li jinsab fil-Gvern u allura għandu "l-lussu" tal-flus xi jroxx biex iwettaq dawn il-miżuri li se jagħmlu d-differenza. U ngħiduha kif inhi! In-nies minn hekk jinteressahom, kif il-Gvern se jagħmilielhom aktar faċli biex jaqilgħu ewro u jgħixu diċenti u  mhux il-kliem fl-arja dwar l-ideoloġija.  

Minkejja dan u konxju tal-fatt li l-priorità huwa l-but, Abela xorta pprova jindirizza l-aspett ideoloġiku/ekonomiku tal-Baġit! Tul id-diskors għamel aċċenn diversi drabi dwar dak li qal illi jara huwa t-twemmin differenti bejn il-partiti: Bejn il-Partit Laburista li l-ħin kollu jfakkar li "jagħti u jaħseb fil-poplu" u l-PN li kontinwament ifakkar li huwa "l-partit li jemmen fl-awsterità." 

Issa r-realtà hi li l-formola ekonomika tal-Labour illum hija viċin ħafna dik tal-PN, jiġifieri jemmen li l-privat għandu jitħalla jimraħ filwaqt li l-Gvern kemm jista' jkun inaqqas mis-sehem tiegħu fl-ekonomija. Jemmen fit-trickle down effect, fis-saħħa tal-kostruzzjoni u l-kuntratturi, ma jagħmel xejn jew kważi xejn li jdejjaq lill-akbar operaturi ekonomiċi u ma jemminx f'miżuri li jintaxxaw il-lussu. 

Imma fir-realtà ta' poplu u elettorat li dejjem qed issir diżilluż u votanti li qed jaqgħtu qalbhom mis-sistema politika - filwaqt li issa jibda dieħel l-element ta' għejja 'naturali' mill-partit fil-Gvern għax ilu 10 snin jiggverna, u ġeneralment partit idum popolari 10 snin f'pajjiżna, imbagħad jibda jmajna - Abela jaf li jrid jibqa' joħloq din ir-rilevanza ġejja mid-differenza.  

Illum kważi tmur fejn tmur ħafna jgħidulek "u mhux it-tnejn l-istess". Filwaqt li din tivvantaġġja lil-Labour ħafna iktar mill-PN - għax l-interess tal-Oppożizzjoni huwa li l-poplu jkun irid il-bidla -  xorta jidher li Abela qiegħed jirpprova kemm jista' joħloq din id-differenza biex juri illi l-Gvern li jmexxi huwa superjuri u differenti mill-avversarju.  

Hux qed ikun ta' suċċess f'dan jew le, naraw maż-żmien. 

Traffiku - Bla pjan?  

Madankollu d-diskors tal-Prim Ministru, daqs kemm kien b'saħħtu fuq il-miżuri fiskali u miżuri oħrajn, daqstant ieħor ftit ta direzzjoni u idea ta' viżjoni aktar fit-tul, ta' x'se jiġri minn hawn 'il quddiem b'mod speċjali fuq it-trasport.  

It-trasport u t-traffiku jidher li huma żewġ kwistjonijiet li kulħadd - inkluż il-politiċi - qed jammettu li hemm problemi fihom. Il-Ministru għat-Trasport Aaron Farrugia f'din il-gazzetta nhar il-Ħadd li għadda stess ammetta illi qed joħorġu medja ta' 60 karozza kuljum fit-toroq tagħna, it-traffiku li perjodikament ikun wieħed gravi - speċjalment f'każ ta' inċidenti jew toroq magħluqin - kulħadd ikun fih u l-problema tal-arja imniġġsa ħafna - speċjalment f'postijiet bħal Furjana - l-ERA stess ikkonfermatha, permezz tal-istudji tal-arja li tagħmel f'diversi bnadi fil-pajjiż.  

Minkejja dan  - u minkejja proġetti ta' toroq - Abela u l-Gvern li jmexxi ma jidhirx li qed iħares lejn sistema li tivvantaġġja aktar it-trasport pubbliku, apparti li dan sar b'xejn. Minkejja li huwa tajjeb li sar b'xejn l-aħħar statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika turi illi fl-2021 kienu biss 5% li użaw trasport pubbliku għax-xogħol ta' kuljum - persentaġġ miżerabbli, anke jekk il-prezz tat-trasport pubbliku kien biss 75ċ għal sagħtejn u meta kien diġà b'xejn għal setturi differenti tal-poplu!  

Il-Gvern ta' Abela jidher ċar li ma jridx jieħu dak il-pass kuraġġuż li jbiddel il-mentalità fil-qasam tat-trasport u jibda l-qalba lejn trasport pubbliku u dak tal-massa. U biex tgħaxxaq il-Metro lanqas biss issemmiet, la fil-Baġit u lanqas fid-diskors ta' sagħtejn u kwart tal-Prim Ministru! 

SilenzjuStewardSaħħa 

Dan is-sit- editorjalment - dejjem qal illi l-ftehim mal-VGH li permezz tagħha din il-kumpanija akkwistat tliet sptarijiet pubbliċi, ingħatat eluf ta' ewro kuljum u xorta falliet - filwaqt li kellha struttura mill-aktar suspettuża li ġiet intraċċata għall-British Virgin Islands - kien l-akbar oxxenità ta' dan il-Gvern. L-akbar għax mhux talli l-poplu ħallas, talli għal dak il-ħlas ma ħa xejn minn dak imwiegħed, filwaqt li r-rappreżentanti tal-VGH telqu mil-pajjiż bla kliem u bla sliem.  

Il-Prim Ministru kellu jirribatti dak li qal il-Kap tal-Oppożizzjoni fuq il-kuntratt - li imbagħad ingħata lil Steward Healthcare. Bernard Grech għamel żewġ punti pertinenti: L-ewwel li Steward Healthcare għandhom €37 miljun pendenti xi jħallsu li għadhom ma ħallsux!  

F'dan il-punt Abela u numru ta' Deputati deheru (fuq il-filmat li kien qed jixxandar fuq il-PBS) jidħku. Kien ikun aħjar li kieku f'diskors ta' aktar minn sagħtejn indirizza b'mod ċar din il-kwistjoni, li mhi xejn tad-daħk.  

Il-Prim Ministru jeħtieġ ikun attent għall-fatt illi minkejja li kwistjoni bħal din jaf ma ttellifx ħafna voti lill-Gvern, xorta hija mażżra serja ma' għonqu għal diversi raġunijiet.  

L-ewwelnett għax il-Gvern reġa' qed joħroġ miljuni kbar lil Steward Healthcare din is-sena minkejja li jidher li qed tagħmel profitt (it-tieni punt ta' Grech), xi ħaġa li tmur kontra kull loġika - speċjalment ta' kif jopera l-privat. Ngħinek, inħallaslek il-pagi, tagħmel profitt u nibqa' nagħtik il-miljuni. Loġika lloġika! 

It-tieni nett għax ċerti proġetti għadhom lura jew għadhom lanqas biss bdew, biżżejjed naraw kif il-wegħda ta' Sptar ta' Rijabilitazzjoni State of the Art fil-bini fejn hemm San Luqa baqa' wegħda fl-arja. Minflok illum dan il-bini enormi għadu fi stat ta' abbandun u telqa totali, monument ċar ta' kemm dan il-ftehim għadu ma ssarrfax f'dak li kien imwiegħed! 

U finalment, għax jista' jkun li l-istorja kollha marbuta mal-kuntratt tal-VGH għad trid toħroġ għall-imbarazzament tal-Gvern. X'sehem kellu Ram Tumuluri u għaliex ma sarx due diligence fuqu, meta kien diġà instab ħati ta' serq fil-Kanada?  Kif intgħażlet kumpanija bi struttura mill-aktar dubjuża b'Ultimate Beneficiary Owner li lanqas konna nafu min hu (imma nafu li jiġi itraċċat lura għal British Virgin islands, li hija ġurisdizzjoni maħmuġa daqs il-Panama)? U kif intagħżlet kumpanija bla ebda track record fis-saħħa? Fejn marru l-eluf u l-miljuni li ħadu u kif fallew minkejja dawn il-flejjes kollha? Min ħa d-deċiżjoni li jagħti l-kuntratt lil kumpanija li kellha biss ftit eluf f'kapital? Kif ma kinitx qed tħallas lill-ħaddiema u lill-kuntratturi? Kif tħalliet tiddeċiedi hi lil min tgħaddi l-konċessjoni wara li ma żammitx mal-pjani u l-wegħdi ta' investiment?  

Il-kwistjoni tal-kuntratt tal-VGH hija storja b'ħafna truf li jekk jingħaqdu jafu jpinġu stampa agħar minn dik li għandna sa issa u li tpoġġi lill-Gvern u l-Prim Ministru f'qagħda mill-aktar antipatka u imbarazzanti.  

Iktar kemm idumu marbutin ma' dan il-kuntratt Abela u anke Chris Fearne, aktar jidħlu fir-riskju ta' imbarazzament jekk minn xi kantuniera jibdew ħerġin fatti ġodda dwar dan il-kuntratt.  

Il-fatt li Abela injora dan is-suġġett u ma weġibx lill-Kap tal-Oppożizzjoni tirrifletti ħażin fuq kemm għandu (jew ma għandux) kontroll fuq dan il-kuntratt u naturalment tagħti r-riħ fil-poppa lill-avversarju biex iktar jargumenta li dan "kuntratt jinten." 

Pero' Abela żbalja wkoll li ma rreaġixxiex għall-akkużi li għamel il-Kap tal-Oppożizzjoni dwar iffullar fl-Isptar u pazjenti fil-Canteen fejn ma hemmx bathrooms u bit-tobba - allegatament - jużaw it-torches tal-mobile biex jgħinu lill-pazjenti.  

Abela kellu jkun ftit iktar sensittiv għal dawk - forsi veru ftit nies, imma xorta - li kelhom jew għandhom qraba fuq sodod fil-Canteen u fil-kurituri, speċjalment fid-dawl tal-fatt li meta kien hemm sitwazzjoni simili taħt Gvern Nazzjonalista l-PL kien għamel kritika inċiżiva u li ma qatgħet xejn kontriha. 

Fejn Grech naqas, Abela eċċella... imma xorta ma tilef opportunità 

Kien hemm punti oħrajn fejn Abela kien konvinċenti, fis-sens li l-Gvern vera beda jiċċaqlaq biex iwettaq proġetti - fosthom fl-ambjent - fejn elenka numru ta' proġetti ta' parks, proġetti fil-qasam tal-iskart u oħrajn, iżda fejn l-akbar inkwiet tal-poplu f'dan ir-rigward ma kienx indirizzat, jiġifieri l-effetti tal-kostruzzjoni.  

Kollox ma' kollox Abela kien b'saħħtu fid-delivery, fit-ton u fil-bini tal-immaġini tiegħu ta' Prim Ministru li jmexxi Gvern konxju tal-akbar sfida quddiem il-poplu bħalissa: L-għoli tal-ħajja! Huwa ċar li fejn naqas Grech, jiġifieri ir-risposta għall-kriżi tal-mument, eċċella Abela! 

Iżda din il-ġimgħa l-Prim Ministru xorta jibqa' fatt li tilef l-opportunità biex jindirizza sfidi oħrajn li wkoll qed idejqu lill-poplu, iħassbuh jew anke jirrabjawh. Tilef ukoll l-opportunità biex jaqta' l-aħħar kurdun li għad fadal bejnu u kuntratti li saru qabel u li fihom kienu b'xi mod jew ieħor involuti l-istess nies li kienu involuti fil-Proġett tal-Power Station (Electrogas).  

Forsi jagħmilha darba oħra! 

More in Politika