'Hija pastażata li qed ikollna niddiskutu l-merti tal-Prim Imħallef Emeritu fil-pubbliku' - Sammut

Chris Bonett jisħaq li l-vera pastażata hija li l-PN jakkuża lill-Prim Imħallef Emeritu li "ma jqattax blat" meta dan kellu l-fiduċja tal-PN, lura meta dan il-partit kien fil-Gvern...

Ritratt waqt id-dibattitu fuq il-Programm Mill-Kamra
Ritratt waqt id-dibattitu fuq il-Programm Mill-Kamra

Is-Segretarju Parlamentari Chris Bonett sostna illi l-Oppożizzjoni mhux qed taqbel mal-isem tal-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi biex dan jinħatar Kummissarju tal-Istandards għax "trid tfixkel, mija fil-mija." Din l-akkuża sabet lid-Deputat Nazzjonalista Mark Anthony Sammut jisħaq li dan ma huwa veru xejn u li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista qablet mal-Gvern diversi drabi, fuq diversi karigi inkluż fejn il-kunsens ma kienx meħtieġ. Huwa akkuża lill-Prim Ministru li ġie b'isem għal din il-kariga u ppretenda li l-Oppożizzjoni taqbel u li "jew dak jew xejn. Anzi nbiddel il-liġi biex żgur jintgħażel dak." 

Dan il-battibekk seħħ waqt il-programm Mill-Kamra li jixxandar kull nhar ta' Ġimgħa fis-7:05 p.m fuq TVM News+ u li lbieraħ tratta l-kwistjoni tal-Ħatra tal-Kummissarju tal-Istandards u mekkaniżmu ta' żblokk li qed jipproponi l-Gvern u li bħalissa qed ikun diskuss fi Stadju tat-Tieni Qari fil-Parlament. 

"Din is-sistema ilha taħdem għal diversi snin u ħadmet f'diversi karigi taħt kull Prim Ministru qabel Robert Abela li dejjem fittxew kunsens," sostna Sammut għall-mistoqsija tal-programm dwar jekk in-nuqqas ta' żblokk f'din il-kwistjoni jirriflettix falliment tal-miżura nnifisha - li daħħal dan il-Gvern - ta' karigi li jinħatru biż-żewġ terzi tal-voti Parlamentari. Sammut kompla jgħid li huwa importanti li jkun hemm dan il-mekkaniżmu, speċjalment fejn jirrigwarda karigi sensittivi u li jissorveljaw lill-politiċi kollha, kif fil-fatt jagħmel il-Kummissarju tal-Istandards. 
"Ma hawnx qbil f'dan il-każ għax il-Prim Ministru ġie b'isem u qal jew dan jew ħadd."

Iżda Bonett ma qabilx. L-ewwelnett fakkar lit-telespettaturi illi ma' dak li qed jipproponi l-Gvern jaqbel kulħadd, inkluż il-President tar-Repubblika, l-Ombudsman u saħansitra l-Partit Nazzjonalista li kien wiegħed dan il-mekkaniżmu fil-Manifest Elettorali tal-2017. Dakinhar il-PN kien wiegħed illi karigi importanti bħall-President tar-Repubblika u anke l-kap Kmandant tal-Armata jiġu maħtura biż-żewġ terzi, iżda li jekk il-vot ma jgħaddix wara t-tieni darba din il-ħatra mbagħad tkun approvata b'maġġoranza sempliċi (50%+1) fil-Parlament. 

"Li mhux naqblu fuqu huwa l-metodu. Min irid kollox fil-magħluq u min irid li l-poplu u r-rappreżentanti tiegħu jiddeċiedu," kompla jgħid Bonett. Huwa sostna li l-PM Robert Abela u Bernard Grech kienu iddiskutew l-ismijiet tal-Imħallef Emeritus Joseph Zammit McKeon bħala Ombudsman u l-Imħallef Emeritus Joseph Azzopardi bħala Kummissarju tal-Istandards, "u Bernard Grech qabel mal-Prim Ministru," sostna Bonett għall-protestazzjonijiet ta' Sammut li beda jgħid, "mhux veru, mhux veru."

"Għax il-Kap tal-Oppożizzjoni wera' appoġġ lejn Azzopardi f'kariga, ma jfissirx li se jappoġġjah f'kariga oħra," qal Sammut li għall-mistoqsija ta' għaliex il-PN ma jħossx li huwa idoneu Azzopardi wieġeb li hija ħażina li  "spiċċajna niddiskutu l-karatteristiċi ta' persuna fil-pubbliku." 
"Hija indiċenti u pastaża li qed ikollna nxandru l-isem u nġiegħlu lill-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid għaliex mhux komdu b'dak l-isem," sostna Sammut.

"Pastażata li qed tagħmlu intom," sostna Bonett li qal illi fil-Parlament Mark Anthony Sammut qal li Azzopardi "ma jqattax blat". Kien hawn li saħaq illi dik tal-Oppożizzjoni hija sempliċiment mossa biex tfixkel. "Meta ġew daharhom mal-ħajt bdew jivvintaw il-qerq u gideb sfaċċat. L-Imħallef Azzopardi kien appuntat imħallef mill-Prim Ministru Eddie Fenech Adami, meta Prim Ministru kien jiddeċiedi waħdu. Ġie elevat għall-Qorti Superjuri fi Frar 2013... U meta fl-2018 inħatar Prim Imħallef ħadd ma oġġezzjona," sostna Bonett. "Mela biex ikun Kummissarju tal-istandards u jagħmel medja ta' 15 jew 20 rapport mhux tajjeb Azzopardi, imma biex ikun Ombudsman u jagħmel mijiet ta' rapporti, hemmhekk iva." 

Intant dwar xi jsir meta jibqa' ma jkunx hemm żblokk, Sammut qal li l-PN qed jipproponi l-istess sistema li pproponiet il-Kummissjoni Venezja għall-Prim Imħallef, liema kariga tmur quddiem Kumitat tal-Ħatriet Ġudizzjarji meta ma jkunx hemm żblokk. Huwa qal li l-OECD imbagħad kienet għamlet rakkomandazzjoni speċifikament fuq il-Kummissarju tal-Istandards u pproponiet li meta jibqa' ma jkunx hemm qbil il-kariga għandha tmur quddiem il-Kumitat tal-Ħatra tal-Ġudikatura.

"Normalment dan il-proċess kien isir kollu fil-magħluq propju biex ma niddiskutux il-merti jew nuqqas ta' merti fil-pubbliku. Ir-raġuni li ħarġu isem Azzopardi kien biex iġiegħlu lill-Oppożizzjoni taċċetta," temm jgħid Sammut. 

Lil min ipproponew iż-żewġ partiti?

Il-Prim Ministru Robert Abela kien ressaq żewġ mozzjonijiet biex il-Parlament ikun jista’ jivvota għall-ħatra ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-ħajja pubblika u ta’ Ombudsman.

Għall-irwol ta’ Kummissarju għall-Istandards fil-Ħajja Pubblika, il-Prim Ministru qed jinnomina lill-Prim Imħallef Emeritu Joseph Azzopardi. Filwaqt li għall-irwol ta’ Ombudsman, il-Prim Ministru Robert Abela qed jinnomina lill-Imħallef Emeritu Joseph Zammit McKeon.
Abela jemmen li ż-żewġ eks ġudikanti għandhom il-kwalifiki, l-esperjenza, l-integrità u l-ħiliet meħtieġa biex iservu f’dawn iż-żewġ rwoli.

"Dan saħansitra kkonfermah il-Kap tal-Oppożizzjoni nnifsu li mhux biss inizzjalment qabel man-nomini, hekk kif qed jiġu ppreżentanti fiż-żewġ mozzjonijiet, iżda reġa’ indika li lest jaċċetta li l-eks Prim Imħallef jista’ jservi f’kariga kostituzzjonali," temm jgħid il-PM Abela. 
Intant l-Oppożizzjoni Nazzjonalista - li akkużat lil Abela b'arroganza għax qalet li qed jagħmilha diffiċli li jkun hemm diskussjonijiet bejn iż-żewġ naħat tal-Kamra dwar ħatriet importanti -  ppropona, fost oħrajn lill-eks Speaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Miriam Spiteri Debono. 
Spiteri Debono hija nutar u kienet kandidat Laburista fis-snin 80 u s-snin 90 u kienet l-ewwel Speaker mara, li okkupat il-kariga matul il-leġiżlatura pjuttost imqallba ta' bejn l-1996 u l-1998. 

Hija iżda sostniet li l-PN qatt ma kkonsultaha dwar din il-kariga u li hi ma tħossx illi hija l-aktar persuna idonea. 

Intant il-PN ippropona wkoll lill-Imħallef Emeritus Silvio Meli - li serva wkoll fuq il-Grupp Multi-Dixxiplinarju kontra l-Korruzzjoni fil-Kunsill Ewropew u kien, fost diversi karigi oħrajn, responsabbli għall-formazzjoni tal-Kodiċi ta' Kondotta għall-Uffiċjali Pubbliċi. Kien propost ukoll l-eks Kap Eżekuttiv tal-Air Malta Philip Micallef. 

 

More in Mill-Kamra