'Ma nistgħux norbtu din l-emenda ma' Prudente. Rajna nuqqas fil-liġi u indirizzajnih'

Karol Aquilina jfakkar li 'l-kwistjoni tal-abort tiġi deċiża minn pajjiżna biss mhux mill-UE'

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard saħaq li l-emenda li qed iressaq il-Gvern dwar it-terminazzjoni tat-tqala, f'każ ta' kumplikazzjonijiet fit-tqala li jistgħu jwasslu għal theddida għal saħħet u ħajjet l-omm, m'għandhiex tkun marbuta mal-każ ta' Andrea Prudente, iżda jisħaq li dan il-każ ġibed l-attenzjoni tal-Gvern illi l-liġi kif inhi preżentament tkopri ċirkostanzi aggravanti li setgħu jiġru lil ommijiet tqal. 

Huwa spjega dan fuq il-programm Mill-Kamra ippreżentat mill-Editur tal-gazzetta ILLUM u dan is-sit, Albert Gauci Cunningham. Il-Ministru Attard irreaġixxxa għall-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-Ġustizzja Karol Aquilina li kkwota lill-Avukat tal-Istat fil-kawża kostituzzjonali li fetħet Prudente lill-Istat illi jgħid li Prudente ma kinitx f'periklu li titlef ħajjitha. Tajjeb li nfakkru li l-ġimgħa l-oħra kompliet tinstema' l-kawża tagħha fil-Qrati Maltin u li dan il-fatt kien ikkonfermat mit-tobba li rawha fl-Isptar Mater Dei.  

Attard sostna li din l-emenda tindirizza anomalija fil-liġi kriminali li setgħet tnaffar lill-professjonisti mediċi f'dawn iċ-ċirkostanzi u li jisħaq illi mhijiex se tippermetti li jsir l-abort f'pajjiżna, għax “b'din l-emenda mhux se tkun l-omm li tiddeċiedi li jkun hemm terminazzjoni tat-tqala. Il-professjonist mediku se jieħu deċiżjoni ibbażat fuq il-kriterju mediku u l-omm, bħal f'kull intervent mediku ieħor trid, tagħti l-kunsens tagħha.”

Min-naħa l-oħra Aquilina sostna, bħalma qal preċedentament fl-indirizz tiegħu fil-Parlament, li t-tobba diġà jintervjenu meta l-omm tkun f'riskju li titlef ħajjitha. Madankollu jirrimarka li kif inhi miktuba din l-emenda tindika li t-tqala tista' tiġi itterminata f'kull stadju tat-tqala u għaldaqstant sa disgħa' xhur. Attard qal li stqarrijiet bħal dawn huma irresponsabbli u iċċara li "f'każ fejn fetu vijabbli jista' tgħix indipendentament, din l-emenda ma titħaddimx. Allura fid-deċiżjoni medika t-tabib se jieħu deċiżjoni fl-aħjar interess ta' ħajjet l-omm u l-fetu." Għal dan Aquilina irrimarka li din l-ispjegazzjoni mhix fl-emenda u huwa għalhekk li l-Oppożizzjoni tenniet dwar l-importanza ta' aktar ċarezza. Fil-fatt minn meta xxandar dan il-programm id-Deputat Prim Ministru indika li dan il-punt se jiġi ċċarat fit-tielet stadju parlamentari ta' din id-diskussjoni.

F’battibekk ieħor bejn Aquilina u Attard, dwar jekk il-Ministru b’mod personali jaqbilx mal-abort huwa dar fuqu u rrimarka, “staqsi lil ħabibtek Roberta Metsola dik li laħqet President tal-Parlament Ewropew u biddlet il-pożizzjoni tagħha.” Attard żied jgħid li dan il-fatt huwa x-xempju ta’ ipokrezija tal-Partit Nazzjonalista.

Hawn Aquilina waqqfu u fakkru fid-dikjarazzjoni tal-isħubija ta' Malta fl-UE “tgħid ċar u tond illi l-kwistjoni tal-abort tiġi deċiża minn pajjiżna biss. L-Unjoni Ewropea ma tidħolx fiha din, assolutament le." Dan filwaqt li qallu li l-pożizzjoni ta' Metsola hija dik tal-Parlament Ewropew, "iżda bħala Deputata Maltija għandha l-pożizzjoni tagħha." 

Is-saħħa mentali... 'Din xi skuża hi?'

Fl-aħħar ta' dan il-programm iż-żewġ membri tal-Kamra ġew mistoqsija fuq is-saħħa mentali. Pront Aquilina staqsa, "din xi skuża hi? Aħna jekk persuna għandha diffikultajiet ta’ saħħa mentali u għandha tarbija fil-ġuf, irridu ngħinuha biex taffronta l-problemi ta’ saħħa mentali u mhux nużaw is-saħħa mentali bħala skuża biex nitterminaw it-tqala għal abort." Min-naħa tiegħu Attard saħaq li Aquilina kien qed ikun żleali għaliex beda jipprova jbeżża' lin-nies. 

More in Mill-Kamra