It-tobba li amministraw lil Prudente jgħidu li kien hemm ċans żgħir li t-tarbija tgħix
It-tobba xehedu fil-Qorti li la saħħitha u lanqas ħajjitha ma kienu f'riskju kbir
More in Qrati u Pulizija
It-tobba xehedu fil-Qorti li la saħħitha u lanqas ħajjitha ma kienu f'riskju kbir
It-tabib Alberto Vella, li kien konsulent ta' Andrea Prudente f'Ġunju li għadda, saħaq li kien hemm ċans żgħir li t-tarbija setgħet tgħix. Dan qalu meta mistoqsi mill-avukat Fiorella Fenech Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat tal-Istat, hekk kif illum kompliet tinstema' l-Kawża Kostituzzjonali li fetħet Andrea Prudente lill-Gvern Malti minħabba li t-tobba rrifjutaw li jagħmlulha abort. Apparti minn hekk tobba li amministraw lil Prudente saħqu li kemm saħħitha kif ukoll ħajjitha ma kinux fil-periklu kbir.
Prudente hija mara mill-Istati Uniti li ġiet Malta fuq btala mar-raġel tagħha u li matulha infaqalha’ l-ilma. Minkejja dan, qalb it-tarbija baqgħet tħabbat. Minħabba f’hekk it-tobba kienu kostretti, bil-liġi, biex ma jitterminawx it-tqala, minkejja li ntqal li kienet f’riskju li jaqbadha septicemia – infezzjoni fid-demm – li tista’ tkun fatali.
Prudente ġiet trasportata lejn Spanja fejn ġiet itterminata t-tqala. Dan il-każ qajjem ħafna interess mill-midja internazzjonali hekk kif Malta tibqa' l-uniku pajjiż fl-Ewropa li ma jippermettix l-abort, fl-ebda ċirkostanza.
Il-Professur Yves Muscat Baron, spjega b’dettal li l-amniotic sac (fejn ikun hemm l-ilma u t-tarbija) filwaqt li “tqgħattet”, din ma kinitx meqruda għal kollox u saħaq li b'mod ġenerali din tista’ terġa’ issewwi ruħha u l-ilma jerġa’ jiġi ġġenerat permezz ta’ trattamenti, fi żmien 15-il ġurnata. Fil-każ ta’ Prudente, meta marret l-Isptar Mater Dei hija nstabet għal kollox mingħajr fluwidu. Madankollu, Muscat Baron qal li jekk ma jiġix iġġenerat biżżejjed fluwidu fi żmien xahrejn jew tlieta “ikun hemm il-problemi. Lilna kienu jgħallmuna li f’dawn il-każi r-rata ta’ għixjien kienet biss 10%, iżda sas-sena l-oħra r-rata kienet ta’ 70%.”
Fl-istess waqt, huwa saħaq li mit-testijiet li bdew isirulha, ma kien hemm ebda’ indikazzjoni ta’ infezzjoni serja u l-antibijotiċi li ngħatat minħabba infezzjoni separata u biex jipprevjenu infezzjonijiet oħra, kienu qed jaħdmu.
Iż-żewġ tobba spjegaw fl-awla dalgħodu li Prudente ingħatat l-għajnuna ta’ bereavement midwife. Mistoqsi għaliex it-tobba talbu għall-assistenza ta’ din il-qabla huma sostnew li din kienet prassi normali għall-ommijiet li hemm riskju li jitilfu lill-uliedhom, anke jekk it-trabi jkunu għadhom ma mitux. Dan isir biex il-qabla u l-omm jilħqu jibnu relazzjoni.