Miċħud il-ħelsien mill-arrest wara ġlieda f’appartament f’San Ġiljan

Il-vittma soffra ġrieħi gravji wara argument li nqala’ minħabba telefonata mingħand il-propretarju

Svediż ta’ 28 sena tressaq quddiem il-qorti nhar il-Ħamis, akkużat li mingħajr il-ħsieb li joqtol jew li jqiegħed il-ħajja ta' ħaddieħor f'periklu ċar, ikkaġuna ħsara fil-ġisem jew fis-saħħa, kif ukoll il-biża’ li se tintuża vjolenza kontrih fuq persuna oħra, f’appartament f’San Ġiljan.

Andreas Zsoka wieġeb mhux ħati għall-akkużi kontrih.

Il-qorti semgħet kif nhar it-8 ta’ Settembru fit-8:30pm, il-vittma daħal fl-għassa ta’ San Ġiljan biex jirrapporta l-attakk. L-uffiċjali tal-pulizija nnutaw ġrieħi ċari fuq wiċċu, fosthom tbenġil m’għajnejh.

Il-vittma qal lill-pulizija li l-ġlieda seħħet jumejn qabel, fis-6 ta’ Settembru f’residenza f’San Ġiljan. Zsoka allegatament irrabja wara li rċieva telefonata mingħand il-propretarju dwar ilmenti fuq storbju li kien ġej mill-fond.                                                                                      It-Tobba ċċertifikaw li l-vittma kellu ġrieħi serji. L-uffiċjali tal-pulizija arrestaw lil Zsoka fl-istess appartament fid-9 ta’ Settembru.

Tilwima dwar il-kera

Waqt l-arrest, l-avukat tad-difiża Rachel Tua ma oġġezzjonatx għall-validità tal-arrest.

Il-qorti semgħet dettalji dwar il-kundizzjonijiet fl-appartament, fejn tqajmu mistoqsijiet dwar il-kuntratt tal-kera. Filwaqt li l-qorti semgħet li ż-żewġ irġiel kienu jgħixu fl-istess fond, id-difiża nnutat li l-allegata vittma ma kellu l-ebda titlu legali fuq il-kuntratt tal-kera. Id-difiża insistiet li r-raġuni ‘l għala nqala’ dan l-ilment, kien proprju minħabba dan.

Meta talbet il-ħelsien mill-arrest, id-difiża argumentat li Zsoka kellu residenza alternattiva fissa fejn seta’ jgħix flimkien mat-tfajla tiegħu f’indirizz separat. Sostniet li m’hemm l-ebda riskju ta’ intralċ tal-provi u li ordni ta’ protezzjoni għandha tkun biżżejjed.

L-avukat Rachel Tua argumentat ukoll li ma kien l-ebda riskju li Zsoka jaħrab mill-pajjiż, filwaqt li nnutat li kien jaħdem sa xahar ilu u kien qed ifittex ix-xogħol, saħansitra kellu intervista skedata għal nhar il-Ħamis.

Il-prosekuzzjoni oġġezzjonat għat-talba għall-ħelsien mill-arrest, u enfasizzat li l-allegat vittma kien għadu ma xehdx fil-qorti. Il-qorti semgħet kif l-allegat vittma kien imbeżża’ meta għamel ir-rapport, u allegat li Zsoka kien heddu b’konsegwenzi akbar jekk jirrapporta l-inċident lill-pulizija.

Wara li kkunsidrat is-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-qorti ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest.

L-Ispettur James Turner mexxa l-prosekuzzjoni flimkien mal-avukat Kristina Bartolo. L-avukat Rachel Tua dehret bħala għajnuna legali.

Il-Maġistrat Nadia-Helena Vella ppresediet.

More in Qrati u Pulizija