Sitta minn kull 10 inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol seħħew fil-kostruzzjoni fl-2022

...u terz tal-fatalitajiet kienu ħaddiema barranin. Intant matul l-istess sena l-OHSA ħarġet 462 multa 

Fi tweġibiet mogħtija lill-gazzetta ILLUM jirriżulta li fl-aħħar 10 snin, sitta minn kull għaxar inċidenti fuq il-post tax-xogħol seħħew fil-qasam tal-kostruzzjoni u terz - jew 33% - kienu jinvolvu ħaddiema barranin.  

Fil-fatt ċifri mill-Awtorità għas-Saħħa u Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) juru illi b'kollox f'10 snin 144 persuna tilfet ħajjitha f'inċidenti fuq il-post tax-xogħol, bl-aktar sena li fil-fatt matulha seħħew inċidenti fatali tkun l-2022 b'total ta' 19. Minn dawn, 81 fatalità - jiġifieri 56%  tal-fatalitajiet kollha - seħħew fis-settur tal-kostruzzjoni. Mill-fatalitajiet kollha 43 persuna li mietet kienu barranin u 41 persuna kienet taħdem għal-rasha.  

Minkejja li s-sena l-oħra seħħew 19-il fatalità, li minnhom erba' kienu f'postijiet li ma jaqgħux taħt il-kompitù tal-OHSA - kif jinnota l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Mark Gauci f'kummenti mal-programm Mill-Kamra - ras għal ras l-2022 ma ratx l-ogħla rata ta' inċidenti fuq il-post tax-xogħol, hekk kif wieħed irid jikkalkula wkoll it-total ta' persuni li jinsabu f'impjieg. Fil-fatt l-ogħla numru ta' inċidenti ras għal ras seħħew fl-2003 u l-2004 bi tmien inċidenti fatali għal kull 100,000 ħaddiem - fi żmien fejn il-popolazzjoni f'impjieg kienet ta' madwar 149,000. Fl-2006 kienet ta' sitt fatalitajiet, filwaqt li fl-2006, l-2007 u anke s-sena l-oħra kien hemm b'kollox ħames fatalitajiet għal kull 100,000 ħaddiem. Tajjeb inżommu f'moħħna li s-sena l-oħra l-popolazzjoni ta' ħaddiema kienet ta' 280,469, li hija kważi d-doppju dik ta' 10 snin ilu.  

Intant fl-2022 ingħataw 462 multa għal ksur ta' regoli marbutin ma' saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol għal total ta' €177,000 f'multi. Dawn iċ-ċifri jiġu fid-dawl ukoll ta' diversi inċidenti li qajmu kontroversja, speċjalment dak li wassal għal mewt taż-żagħżugħ Jean Paul Sofia.  

Din l-istatistika miġbura mill-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) turi kif b'kollox f'sena waħda biss saru 4,387 spezzjoni minn din l-awtorità fuq il-postijiet tax-xogħol li minnhom inħarġu 576 notifika għal titjib u 662 ordni biex jitwaqqaf ix-xogħol.  

Matul l-2022 inbdew ukoll 218-il każ quddiem il-Qrati kontra impjegaturi, kumpaniji jew organizzazzjonijiet li kienu qed jiksru r-regoli li jitrattaw is-saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol.  

'Qed isir dak kollu possibbli biex is-sitwazzjoni tkun taħt kontroll' 

Għall-mistoqsija dwar għaliex hawn perċezzjoni li l-każi qed jiżdiedu, jekk hux nuqqas ta' infurzar jew inkella hux sempliċi każ ta' aktar spazju fil-midja għal inċidenti, Mark Gauci qabel mal-aħħar argument. Huwa qal illi jseħħu madwar 3,500 inċident fis-sena - li ħafna minnhom ikunu żgħar, "u filli snin ilu ma kien ikun irrappurtat kważi xejn issa qed isiru r-rapporti, li ħafna drabi jkunu dwar l-affarijiet kif ikunu jidhru li ġraw fl-ewwel ħinijiet, li mhux neċessarjament jirriflettu l-istampa kollha."  

Gauci ta eżempju riċenti ta' ħaddiem li ma niżilx is-sellum sew, waqa' u ħabat geddumu ma' skaluna u kellu bżonn żewġ punti. "Din ġiet irrapportata daqslikieku każ gravi," sostna Gauci li kompla jisħaq għalhekk illi ċ-ċifri li qed nikkwotaw f'dan l-artiklu huma xhieda tal-fatt li l-inċidenti mhux veru żdiedu imma qed isir ħafna aktar rappurtaġġ estensiv tagħhom.  

Gauci ppreċiża li s-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol mhuwiex biss każ ta' ksur jew problemi fiżiċi, imma wkoll - per eżempju - meta persuna tkun esposta għal ħinijiet twal għal kimiċi li jistgħu jwasslu għall-mard jew saħansitra kanċer. Infakkru li fl-aħħar snin rajna l-każ u l-appelli, kemm fuq livell lokali imma anke ewropew, ta' ħaddiema li huma esposti għall-asbestos. Gauci jfakkar ukoll li hemm ir-realtà tas-saħħa mentali.  

Dwar il-ħidma tal-OHSA Gauci jispjega kif qed isiru diversi żjarat edukattivi f'diversi postijiet, fosthom pompi tal-petrol u anke skejjel - fejn ifakkar li kienu saħansitra infetħu żewġ inkjesti fuq elenku ta' nuqqasijiet.  

Imma allura x'qed jgħid? Qed jgħid li kollox taħt kontroll? 

"Qed isir dak kollu possibbli biex is-sitwazzjoni tkun taħt kontroll," tkun ir-risposta immedjata ta' Gauci.  

Tressqet emenda fil-Parlament dwar l-OHSA. X'inhi? 

Il-ġimgħa l-oħra l-Parlament iddiksuta emenda fil-Liġi li tippermetti li l-OHSA tkun parti mill-Inkjesta Maġisterjali meta jkun hemm każi serji ta' inċidenti, fatalitajiet jew persuni li jkunu weġġgħu fuq il-post tax-xogħol.  

Gauci jispeċifika li b'dawn il-bidliet l-OHSA se jkollha uffiċjali preżenti waqt l-aċċess u s-smigħ tax-xhieda waqt din l-inkjesta. "Iżda fl-ebda ħin ma hi se tintmiss il-ħidma tal-Maġistrat Inkwirenti - li fl-aħħar mill-aħħar lanqas se jkun obbligat illi jisma' dak li għandu xi jgħid l-uffiċjal tal-OHSA," jispjega Mark Gauci.  

Huwa qal li filwaqt li l-OHSA għandha l-obbligu li tinvestiga inċidenti kbar sostna li ġieli Maġistrat jirrifjuta li l-awtorità jkollha sehem fl-aċċess. Dan filwaqt li qal ukoll li ħafna drabi żewġ investigazzjonijiet (tal-maġistrat u separatament tal-OHSA) fl-istess ħin jistgħu jwasslu biex dawn ifixklu lil xulxin.  

"L-OHSA ilha 20 sena u għandha l-esperjenza u l-kompetenza teknika u legali meħtieġa fil-qasam u issa dan kollu se jkun għad-dispożizzjoni tal-inkjesta," temm jgħid il-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Mark Gauci.  

More in Politika