Effettiv fil-kritika u progress kbir mill-2020... Iżda x'jagħmel differenti fl-ekonomija u fl-ambjent?

Id-diskors ta' Bernard Grech b'reazzjoni għall-Baġit kien immarkat b'suġġetti u temi li qed jinkwetaw ħafna lin-nies, speċjalment l-għoli tal-ħajja. Grech jaf x'inhi l-ferita, imma d-duwa li qed joffri kif inhi differenti min tal-Labour? U jekk għandu duwa hija aħjar minn tal-Labour? 

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt ir-replika għall-Baġit imressaq mill-Gvern
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt ir-replika għall-Baġit imressaq mill-Gvern

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ta wieħed mill-aħjar diskorsi tiegħu nhar it-Tnejn minn kemm ilu fil-kariga fir-reazzjoni għall-Baġit. Dan fis-sens li kien diskors pjuttost inċiżiv, li kien fih botti b'saħħithom kontra l-Gvern, kontinwità fit-tonalità u kien b'saħħtu wkoll fuq numru ta' punti - speċjalment l-aċċenn tiegħu fuq kwistjonijiet soċjali, fuq il-faqar, l-għoli tal-ħajja kif ukoll fuq il-kwistjoni tal-ipprivatizzar ta' tliet spartijiet pubbliċi.  

Minn naħa l-oħra iżda ma kienx daqstant effettiv fuq il-kwistjoni tal-alternattivi ekonomiċi li qed joffri l-Partit Nazzjonalista, alternattivi għall-għoli tal-ħajja, l-għoli fil-prezzijiet tal-proprjetà u lanqas fil-viżjoni ekonomika li tmur lilhinn minn dak li kien għamel Gvern Nazzjonalista kważi 10 snin ilu.  

Strateġija effettiva... Imma effettiva daqs l-2008/09? Il-kuntest kollox! 

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista għamel aċċenn qawwi u kontinwu fuq il-faqar u anke l-għoli tal-ħajja, fil-fatt wieħed jista' jgħid li d-diskors kien kważi kollu iċċentrat madwar dawn it-temi li allura huwa realizzazzjoni ċara mill-Oppożizzjoni ta' dak li qed jinkwieta lill-votanti u ta' dak li dwaru jridu jisimgħu. 

Huwa kontinwament beda jindirizza lil dawk li kienu qed jarawh u jgħid li filwaqt li "inti" ma tistax tlaħħaq mal-ħajja dawk "tal-qalba" u "ta ġewwa" qed igawdu minn konsulenzi u kuntratti li jlaħħqu l-eluf.  

Hawnhekk Grech kien qed jipprova jgħaqqad l-uġigħ li hawn u li jitratta l-għoli tal-ħajja ma' dawk li l-eks Mexxej Laburista Alfred Sant kien iħobb isejjaħ 'ħbieb tal-ħbieb' u li Grech jisħaq illi qed jistagħnew. Din hija tattika li intużat diversi drabi, minn diversi mexxejja fl-Oppożizzjoni speċjalment fi żmien ta' għafsa ekonomika. L-Oppożizzjoni Laburista kienet użata fil-fatt b'suċċess kbir fl-aħħar leġiżlatura ta' Gvern Nazzjonalista fuq il-kwistjoni taż-żieda fil-kontijiet  tad-dawl u l-ilma.  

Imma Grech qed jirnexxilu ikun daqstant effettiv?  

Mhux qed ikun daqstant effettiv, mhux minħabba l-essenza tal-argumenti tiegħu daqskemm minħabba l-kuntest politiku tal-lum.  

Bħall-2009, illum iż-żieda fil-prezzijiet għandha għeruq ċari, magħrufa pubblikament u indiskuttibbli - jiġifieri l-gwerra fl-Ukrajna, li wasslet għal nuqqasijiet kbar fil-forniment tal-ikel - speċjalment qmugħ u żejt - splużjoni fil-prezzijiet tat-trasportazzjoni tal-merkanzija - inkluż ikel u problemi fil-provvista tal-gass mir-Russja minħabba s-sanzjonijiet u allura żieda fil-prezz tal-enerġija. Fl-2008 id-dinja kienet qed tiffaċċja prezzijiet internazzjonali dejjem jiżdiedu taż-żejt hekk kif kienet faqqgħet il-kriżi finanzjarja mbuttata mill-falliment ta' wieħed mill-akbar Banek ta' Investiment fl-Istati Uniti, il-Lehman Brothers Holdings Inc. 

Allura kif inhu differenti l-kuntest?  

Id-differenza hija r-risposta għall-kriżi, li fil-każ tal-preżent hija akbar mhux biss għax hija gwerra wara biebna imma anke għax qed issewgi pandemija ta' sentejn li waslet biex it-turiżmu jieqaf b'mod assolut għall-ewwel darba minn kemm ilu jeżisti bħala industrija.  

F'dan il-każ  - u din hija s-saħħa tal-Gvern - il-Partit Laburista u l-Gvern qed jisħqu li l-miljuni li qed joħroġ f'sussidji u l-elenku ta' miżuri fiskali li tħabbru fil-Baġit, apparti miljuni f'għajnuniet waqt il-pandemija, huma proprju risposta għal dan l-għoli u l-kriżijiet li għaddejna minnhom. Dan qajla jista' jingħad għall-Gvern immexxi minn Lawrence Gonzi li minkejja reżistenza qawwija ħafna mill-unjins kollha tal-pajjiż, protesti kbar fil-belt Valletta u l-għajta kontra dawn ż-żidiet konsiderevoli fil-kontijiet minn negozji, il-Gvern baqa' għaddej bil-pjan biex jgħolli l-kontijiet. Anzi kien għamel l-iżball politiku madornali li quddiem il-protesti u r-rabja tal-poplu kien qal illi "se jivvota bil-qalb" biex il-pjan tal-Gvern fis-settur tal-enerġija jibqa' għaddej.  

Dan apparti li l-Oppożizzjoni Laburista f'dawk is-snin (2008 - 2013) kellha r-riħ fil-poppa b'mexxej ġdid - li kien qed jiġbed l-attenzjoni u anke l-ammirazzjoni ta' bosta, oppożizzjoni organizzata ħafna li kienet qed tibni kuntatti b'saħħithom mad-dinja tan-negozju u poplu li kien ilu juri ċerta element ta' xeba' fil-mod kif kien qed jitmexxa minn Gvern li kien ilu fil-poter mill-1987, kważi mingħajr ebda interruzzjoni, ħlief għal sentejn (1996 - 1998). Tant hu hekk li l-Oppożizzjoni kienet tilfet l-elezzjoni tal-2008 bl-inqas marġini fl-istorja.  

Dawn huma elementi li xi ftit jew wisq mhumiex preżenti llum.  

Naturalment dan huwa kollu passat u Grech dak iż-żmien ma kellux kariga fil-PN. Iżda li qed nagħmlu huwa li nqabblu l-kuntest biex nipprovaw nanalizzaw u nifhmu għaliex minkejja l-għoli tal-ħajja bla preċedent bħalissa, sa issa xorta għad ma hawnx ir-rabja, furur, protesti u sens ta' korla lejn il-Gvern li kien hawn fl-2008/2009.  

Minkejja dan kollu, d-diskors ta' Grech xorta kien għaqli li ċċentra mal-aktar ħaġa li bħalissa qed jiddiskutu u qed jitkellmu dwarha in-nies u dan kien definittivament pass tajjeb minn naħa ta' Grech għax għamel id-diskors tiegħu ħafna aktar rilevanti għal dawk li qed isegwu u li forsi la jappoġġjaw partit u lanqas partit ieħor.  

'Arahom x'jidħku' 

Diversi drabi Grech beda jgħid lit-telespettaturi illi d-Deputati tal-Gvern qed jidħku. Huwa għamel dan darbtejn, b'mod pjuttost effettiv. Darba meta kien qed jitkellem dwar il-faqar u l-għoli tal-ħajja, mill-ġdid u darba oħra meta kien qed jirreferi għal madwar €37 miljun f'VAT li Steward għadhom ma ħallsux, "filwaqt li il-Gvern jagħmel ħajjet tal-laħam u tal-grocer infern." 

Dan ikompli mal-ewwel punt u allura kif Grech kien kontinwament qed jipprova jikkomunika mat-telespettaturi - li wieħed jassumi li kienu jlaħħqu ftit eluf ta' nies - biex ikompli joħloq din ir-rabja ta' setturi differenti ta' nies lejn il-Gvern f'dan il-mument fejn qed naraw inflazzjoni għolja, pero' apparti minn hekk f'mument fejn jidher ċar li r-rabja u d-diżilluzjoni lejn il-politika in ġenerali, speċjalment il-mod kif qed ikun trattat l-ambjent qed tilħaq livelli għolja.  

Grech huwa konxju ta' dan u għalkemm ma kkwotahomx, din il-gazzetta riċentement ppublikat żewġ sondaġġi: Wieħed li juri kif 64.5% tal-poplu huwa "inkwetat ħafna" bir-rata li biha qed isir il-bini u jingħataw il-permessi u ieħor li juri kif il-maġġoranza assoluta tal-Maltin jemmnu li wasal iż-żmien li jkun hemm partit ġdid. Diversi sondaġġi oħrajn jirriflettu wkoll dan is-sens ta' diżillużjoni u rabja, speċjlament fuq l-ambjent u b'mod speċjali fost votanti żgħaħagħ.  

Metro, traffiku u aktar... 

Grech kien b'saħħtu wkoll meta tkellem dwar it-traffiku. U kien b'saħħtu fid-dawl tal-fatt li dan il-baġit bilkemm kien rikonoxximent xieraq tal-fatt li fl-aħħar ġimgħat kien hemm ħafna traffiku f'ħafna żoni madwar il-pajjiż - inkluż f'toroq li għadhom kif saru.  

Ir-realtà hi li dan il-Gvern - bħal ta' qablu - kompla bil-politika li tinċentiva ix-xiri u l-użu tal-karozza privata fuq kull għażla jew mezz ta' trasport ieħor u llum qed naqtgħu l-frott ta' din il-politika Nazzjonalista u Laburista fl-istess ħin.  

Naturalment Grech ma setax ma jagħmilx referenza għall-kumment tal-Ministru Aaron Farrugia dwar traffiku ikkawżat minħabba l-festi. Anke jekk dan il-kumment kien ittieħed barra mill-kuntest li fih intqal u anke jekk hija realtà li numru ta' toroq magħluqin minħabba l-festi jikkawżaw inkonvenjent, dan il-kumment tħalla jinfirex fuq il-midja soċjali, sar ċajta komuni fost ħafna li jtellgħu ritratti maqbudin fit-traffiku u għamel ħsara lill-immaġini tal-Ministru Farrugia u lill-Gvern.  

Il-fatt li l-baġit huwa kompletament nieqes mill-pjani u soluzzjonijiet għall-futur, apparti bini ta' toroq, u l-fatt li ma jsemmix il-Metro jew trasport tal-massa ta lill-Kap tal-PN l-ispazju kollu biex jimraħ fuq din l-isfida.  

Il-problema ta' Grech kien li apparti l-botti politiċi f'waqthom ma fetaħx biżżejjed l-argument tiegħu dwar x'soluzzjonijiet qed joffri għal dak li qed joffri l-Gvern fil-qasam tat-trasport, speċjlament dak pubbliku u dak alternattiv.  

Imma x'inhi l-alternattiva? 

Filwaqt illi f'dan id-diskors Grech kellu ċerta kritika inċiżiva u filwaqt li tjieb fit-tonalità u anke fil-mod kif jgħaddi l-messaġġ (delivery) - definittvament progress qawwi meta mqabbel mal-ewwel diskors bħala reazzjoni għall-Baġit lura fl-2020  - baqa' jonqos f'punt kruċjali.  

Huwa veru li għadna 'l bogħod ferm minn elezzjoni ġenerali u wieħed ma jistenniex li kap ta' partit jikxef il-karti kollha minn qabel. Pero' f'mument fejn hawn diżilużjoni fil-politika - speċjalment fuq il-kwistjoni tal-ambjent - wieħed kien jistenna li Grech se jkun ħafna iktar b'saħħtu u konvinċenti fuq din il-kwistjoni. Kif seta' kien aktar konvinċenti fuq x'riċetta fiskali kien jadotta kieku hu kien fil-Gvern, biex jilqa' għall-għoli tal-ħajja.  

Liema miżuri kien jieħu, iħalli barra jew itejjeb? Li tgħid "innaqqsu l-ħela" mingħajr ma tidentifika settur, settur fejn hija dik il-ħela u allura minn fejn se taqta' u kemm se taqta' mhux argument ekonomiku b'saħħtu biżżejjed. Apparti l-fatt li l-qtugħ tal-ħela - nobbli kemm huwa għan nobbli - huwa għan kważi impossibbli li tilħqu kollu u mhux se jgħin direttament lin-nies u l-konsumatur fl-immedjat, meta ffaċċjat b'inflazzjoni rekord.  

Filwaqt li l-kritika tiegħu dwar il-Bidla fil-klima u kemm Abela semmieha barra mill-pajjiż, iżda ma ngħatatx importanza fil-baġit, jew inkella kemm qed jiżdiedu dawk li jemmnu li l-iżvilupp qed ikerrah lil pajjiżna, speċjalment iċ-ċentri urbani tradizzjonali, tmiss ma' pjaga reali, l-alternattiva għal dan għadha sal-lum qatt ma kienet indirizzata bi proposti ċari li jmorru lilhinn mill-kliem fieragħ.  

"L-ambjent fil-qalba tal-politika... pjan fit-tul" qal Grech. Imma għal dawk li qed jarawh u jaqblu miegħu dwar l-istat tal-ambjent din l-istqarrija ma tfisser assolutament xejn. X'inhu l-pjan fit-tul? Liema policies irid ibiddel? Grech lanqas biss imqar elenka dak li kien wiegħed il-PN fl-aħħar elezzjoni f'dan il-qasam, li nfakkruh illi l-maġġoranza enormi tal-poplu insiet kemm għax ma toqgħodx issegwi l-politika reliġjożament u anke għax ġeneralment il-programm politiku ta' min jitlef elezzjoni, ma jibqax daqstant rilevanti f'għajnejn ħafna. Huwa xogħol il-PN li jżomm ir-rilevanza tal-Manifest Elettorali ħaj.  

 "Nipproteġu l-pajsaġġ Għawdxi" qal Grech - u mill-ġdid l-Għawdxin jaqblu ħafna ma' dan, hekk kif is-sondaġġ ippubblikat fil-gazzetta ILLUM nhar il-Ħadd 23 ta' Ottubru juri kif 80% tal-Għawdxin huma inkwetati bl-iżvilupp. Iżda r-risposta ta' Grech x'inhi? Kif se jnaqqas l-iżvilupp f'Għawdex? Billi jsir moratorju? Billi jinbidlu l-policies tal-ippjanar f'Għawdex? U jekk Grech lanqas biss esprima ruħu kontra jew favur il-mina f'dan id-diskors (semmieha biss biex jikkritika lill-Gvern) - proġett li jwassal biex żgur u mhux forsi jiżdied l-iżvilupp - kif jista' jkollu argument b'saħħtu kontra l-iżvilupp f'Għawdex?  

X'viżjoni differenti għandu l-PN għal dawk il-koppji u anke individwi li qed isibuha dejjem aktar diffiċli jekk mhux kompletament impossibbli li jixtru dar? Iktar housing? Iktar skemi? 

U finalment, il-mistoqsija ta' dejjem: Liema formola ekonomika li tmur lilhinn mit-tkabbir li rajna fl-aħħar snin u li wasslet biex żdiedu l-ħaddiema barranin għandu l-PN? Innaqqsu t-tkabbir biex jonqsu l-barranin?  

Minkejja li Grech kien b'saħħtu fil-kritika u effettiv fl-identifikar ta' dak li qed idejjaq lin-nies bħalissa, ħalla wisq ħin limitat u fil-fatt kien limitat ħafna f'dak li jitratta l-viżjoni alternattiva għal dik tal-Gvern. Problema rikorrenti fil-PN sa mill-2013, fejn ħlief għall-governanza, il-PN baqa' ma kienx konvinċenti biżżejjed illi dak li qed joffri hu huwa ekonomikament aħjar minn dak li qed joffri l-Labour. Xi ħaġa kkonfermata f'kull elezzjoni minn dakinhar!

More in Politika