Devis Mangia jirriżenja sitt ġimgħat wara li ġie sospiż b'allegazzjonijiet ta' fastidju sesswali

Mangia jiċħad l-allegazzjonijiet u jgħid li ddeċieda li jirreżenja 'wara żmien twil ta' ħsieb'

Il-Kowċ tat-Tim Nazzjonali Devis Mangia uffiċjalment jirriżenja mill-kariga tiegħu fi ħdan l-Assoċjazzjoni Maltija għall-Futbol (MFA). Din ir-riżenja, milqugħa mill-bord tal-MFA, ġiet ippreżentata sitt ġimgħat mis-sospensjoni tiegħu wara allegazzjonijiet ta' fastidju sesswali ta' żewġ plejers. 

L-MFA ħatret Uffiċjal biex jinvestiga dawn l-allegazzjonijiet. Madankollu għadu mhux mifhum jekk hemmx relazzjoni bejn il-konklużjoni ta' din l-investigazzjoni u r-riżenja. Intant, l-avukat ta' Mangia Gianella De Marco qalet li d-deċiżjoni tar-riżenja ittieħdet wara "żmien twil ta' ħsieb." Dan filwaqt li huwa reġa ċaħad kull allegazzjoni. 

F' Settembru l-kowċ tan-Nazzjonal iddeskriva l-allegazzjonijiet bħala aħbarijiet infondanti u foloz li jagħmlu ħsara "gravi lid-dinjità personali u r-reputazzjoni professjonali tiegħi." Infakkru li dak iż-żmien, l-MFA irreferiet dawn l-allegazzjonijiet għand il-Pulizija. 

Din mhix l-ewwel darba li Mangia kien akkużat b'fastidju sesswali. Alexandra Popa, omm il-plejer tal-futbol Răzvan saħqet li Mangia ta' fastidju lil binha meta kien kowċ fl-Università Craiova. Tajjeb li nfakkru li Mangia kien kowċ fir-Rumanija ftit qabel ma' ġie Malta. Din l-omm allegat li Mangia qal lil binha biex jaraw filmat pornografiku flimkien u li kien immasturba quddiemu. Kawża ta' hekk dan iż-żagħżugħ tant kien affetwat psikoloġikament li sofra minn dipressjoni qawwija. Sussegwentament dan wassal biex iż-żagħżugħ temm il-karriera tiegħu f'dan l-isport.

 

More in Sports