
Il-Final Four tal-Waterpolo Champions League Ewropej tal-irġiel f’Malta fi tmiem Mejju
“B’kollaborazzjoni ma’ entitajiet sportivi oħrajn, qed nagħtu lill-pubbliku sportiv avvenimenti ta’ kwalità li jistgħu jsegwihom dirett f’pajjiżna stess, ħidma li qed twassal biex diversi avvenimenti internazzjonali sportivi qed isiru fil-gżejjer Maltin”

Għat-tieni darba fl-istorja, l-Assoċjazzjoni tal-Isport Akwatiku ta’ Malta (ASA) se tospita l-finali tal-aħħar erba’ timijiet (Final Four) tal-Waterpolo Champions League tal-irġiel bejn it-30 ta’ Mejju u l-1 ta’ Ġunju, fil-Pixxina Nazzjonali f’Tal-Qroqq.
Malta ntgħażlet għat-tieni darba wara li l-applikazzjoni li saret mill-ASA kienet tissodisfa r-rekwiżiti kollha ewlenin tal-Federazzjoni Ewropea għall-Isport Akwatiku u għandha l-appoġġ sħiħ tal-Gvern Malti bil-kollaborazzjoni ma’ SportMalta u VisitMalta.
Waqt it-tnedija ta’ dan l-avveniment prestiġjuż, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima tkellem dwar ix-xena sportiva f'Malta u l-progress li sar fis-snin riċenti. “L-investiment li għamilna u se nkomplu nagħmlu f’dan is-settur poġġew lil pajjiżna fuq il-mappa dinjija tal-Isport. Dan l-avveniment irnexxielna nġibuh f’pajjiżna għat-tieni sena konsekuttiva u huwa riżultat pożittiv ieħor tal-ħidma tal-gvern flimkien mal-assoċjazzjonijiet sportivi,” qal il-Ministru Grima. Huwa enfasizza li l-Gvern kommess li jkompli jgħin lill-isport Malti b’kull mezz biex dan is-settur ikompli jikber.
“Huwa ta’ sodisfazzjon li pajjiżna qed jintgħażel biex isiru avvenimenti internazzjonali sportivi, xhieda tal-professjonalità f’dan is-settur, il-kwalità għolja ta’ infrastruttura sportiva li għandna kif ukoll għaliex qed inkunu kkunsidrati li għandna dak kollu li huwa rikjest biex avvenimenti sportivi ta’ dan il-livell isiru f’pajjiżna,” qal il-Ministru Grima.
Il-Ministru Grima rrimarka wkoll li t-turiżmu sportiv qiegħed jgħin bil-kbir biex f'Malta nkomplu nattiraw turiżmu ta’ kwalità ogħla. Dan l-avveniment se jġib miegħu numru kbir ta’ benefiċċji fosthom atleti u viżitaturi ta’ kwalità ogħla kif ukoll viżibilità b’saħħitha tal-gżejjer Maltin għal kull min isegwi dan l-isport.
F’dan il-kampjonat, li beda fl-1963, jieħdu sehem l-aqwa timijiet minn madwar l-Ewropa u hija l-aktar kompetizzjoni prestiġjuża tal-klabbs tal-waterpolo professjonali tal-kontinent. Il-logħob jinkludi żewġ semifinali u żewġ finali.
Min-naħa tiegħu l-President tal-ASA Karl Izzo tkellem dwar il-preparamenti li saru fosthom, bħala parti mill-avveniment, il-villaġġ sportiv fid-daħla tal-Pixxina Nazzjonali biex titjieb l-esperjenza tal-ispettatur. L-avveniment se jixxandar fuq diversi networks internazzjonali tat-televiżjoni u se jiġi amplifikat permezz ta’ impenn qawwi fil-midja soċjali, li jiżgura udjenza Ewropea vasta.
Mark Cutajar, Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta, tkellem dwar l-involviment ta’ SportMalta biex dan l-avveniment prestiġjuż ikun suċċess bħalma kien tas-sena li għaddiet. “B’kollaborazzjoni ma’ entitajiet sportivi oħrajn, qed nagħtu lill-pubbliku sportiv avvenimenti ta’ kwalità li jistgħu jsegwihom dirett f’pajjiżna stess, ħidma li qed twassal biex diversi avvenimenti internazzjonali sportivi qed isiru fil-gżejjer Maltin,” qal Cutajar.
Il-biljetti se jkunu għall-bejgħ minn nhar it-Tnejn, 21 ta’ April mis-sit www.showshappening.com.